Illum jagħlqu l-applikazzjoniet għall-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC mingħajr ħlas.
Dawn ilhom jiġu organizzati kull sena, sa mill-2014, permezz tal-Youth Guarantee Project iffinanzjat minn fondi Ewropej.
Il-klassijiet huma mmirati għall-istudenti li se jagħmlu r-resits fis-suġġetti tal-Malti, l-Ingliż, il-Matematika, il-Bijoloġija u l-Fiżika f’Settembru li ġej.
Mindu nħolqu, dawn il-klassijiet għenu lil aktar minn 5,000 student.
Il-klassijiet ta’ reviżjoni għal din is-sena se jibdew mill-24 ta’ Lulju u jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat sal-aħħar ta’ Awwissu.
Studenti ta’ bejn il-15 u l-24 sena, li ġabu marki ta’ 6, 7, U jew li kienu mmarkati bħala assenti f’xi wieħed mill-ħames suġġetti ewlenin imsemmija hawn fuq huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet.
L-istudenti jistgħu jattendu għal dawn il-klassijiet fiċ-ċentri tal-Mosta, il-Blata l-Bajda, Raħal Ġdid u r-Rabat, Għawdex, u jistgħu jagħżlu li jattendu għal massimu ta’ tliet suġġetti ewlenin, inkluż għażla ta’ suġġett tax-xjenza.