Illum se ssir l-awtopsja fuq il-katavru taż-żagħżugħ ta’ 20 sena Neil Zammit li kien qed jogħdos bin-nifs u fil-fond fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha sabiex tiddetermina l-kawża tal-mewt tiegħu.
Filmati li ttieħdu minn kamera ‘GOPRO’ li kien juża Neil Zammit qabel tilef ħajtu waqt li kien qiegħed jogħdos bin-nifs f’Baħar iċ-Ċagħaq mistennija jitfgħu dawl dwar il-mewt tiegħu f’qasir il-għomor.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija kkonfermaw ma’ ONE News li fl-aħħar sigħat l-investigaturi diġà bdew janalizzaw bir-reqqa dawn il-filmati li mistennija jixħtu dawl dwar x’wasal sabiex Zammit tilef ħajtu waqt li kien qed jipprattika l-isport li tant kellu għal qalbu.
Dan l-istazzjon hu infurmat li l-katavru ta’ Zammit instab fuq l-alka f’qiegħ il-baħar fl-istess post fejn kien qiegħed jogħdos bin-nifs fl-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.
Huwa ttella’ mill-baħar it-Tlieta filgħaxija minn membri tal-forzi armati ta’ Malta wara tfittxija intensiva li ħadet is-sigħat.