Fil-Port il-Kbir illum issir ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien, ġimgħa qabel id-data proprja minħabba l-festi tal-Għid. Bħas-soltu se jkun hemm ħdax-il tiġrija: ħamsa ta’ kategorija A, ħamsa ta’ kategorija B u waħda għall-qaddiefa nisa.
F’Kategorija A jidher li se jkollna ripetizzjoni tal-isfida li kellna f’Settembru li għadda bejn il-ġirien Bormla u Birgu. Iż-żewġ klabbs ikkonfermaw il-crews li kellhom fir-Regatta tal-Vitorja u li bihom spiċċaw fl-ewwel post, hekk kif dak-in nhar qassmu x-shield bejnithom. Huma kellhom tibdil żgħir f’xi opri partikolari u issa hemm stennija sabiex naraw min minnhom se jirnexxielu jirrrepeti s-suċċess ta’ Settembru.

Biss Bormla u Birgu se jkollhom sfida minn klabbs oħra fosthom l-Isla u Birżebbuġa. L-Isla huma l-holders tax-shield tal-Ħelsien u reġgħu ramaw tajjeb sabiex għal darb’oħra se jkunu sfidanti. Min-naħa tagħhom Birżebbuġa, f’dawn l-aħħar xhur, wettqu bosta akkwisti minn diversi klabbs. Qaddiefa li għandhom esperjenza kbira fir-Regatta u li żgur jafu jagħmlu d-differenza waqt it-tiġrija. Birżebbuġa li din is-sena qed ifakkru l-għoxrin anniversarju minn mindu rritornaw jieħdu sehem fir-Regatta. Marsa wkoll jistgħu jisfidaw u jfixklu l-klabbs l-oħra fir-rebħ ta’ xi paljijiet f’din il-kategorija.
Klabbs oħra iddeċidew li jiffukaw il-forzi tagħhom fuq kategoija B. Fost dawn insibu l-Kalkara, Marsamxett u s-Siġġiewi. F’din il-kategorija se nkunu qed naraw bosta qaddiefa żgħażagħ li se jingħataw ċans mill-klabbs tagħhom sabiex jaqdfu fl-ogħla livelli ta’ regatta.
Ir-regatta ta’ Jum il-Ħelsien tibda għal ħabta tan-12:30 bit-tiġrija għall-qaddiefa nisa fejn hawnhekk il-Birgu jerġgħu jibdew bħala l-favoriti.







