Illum iċ-ċittadini fir-Renju Unit se jivvottaw fl-elezzjoni ġenerali bikrija. Il-votazzjoni fetħet fis-7 ta’ dalgħodu u tibqa’ miftuħa sal-10 ta’ filgħaxija, ħin tar-Renju Unit.
Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, li ħareġ ilbieraħ, jindika li l-Partit Laburista Ingliż, immexxi minn Keir Starmer, se jkun qed jidħol f’10 Downing Street u jkollu maġġoranza b’saħħitha fil-House of Commons.
Il-Partit Laburista mistenni jkun fil-Gvern, wara 14-il sena ta’ Gvern Konservattiv, fejn f’dan il-perjodu kien hemm ħames Prim Ministri differenti. Tlieta minnhom f’dawn l-aħħar ħames snin: Boris Johnson, Liz Truss u l-Prim Ministru attwali Rishi Sunak.
Skont l-istħarriġ ippubblikat ilbieraħ, ħareġ kif il-Partit Laburista mistenni li jġib 431 siġġu fil-House of Commons, waqt li l-Partit Konservattiv li mistenni jġib 102 siġġijiet fil-Parlament Brittaniku.
Fil-kampanja elettorali, il-Partit Laburista ta’ Keir Starmer wiegħed li se jġib il-bidla li għandu bżonn il-pajjiż u jdaħħal bosta riformi, fosthom li fir-Renju Unit jibdew jivvotaw żgħażagħ ta’ 16-il sena.
Għal din l-elezzjoni wkoll qed jikkontesta l-kandidat tal-lemin estrem Nigel Farage, permezz tal-partit tiegħu Reform UK. B’dan il-partit jidher li qed jikseb dejjem aktar popolarità, skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, hekk kif jinsab bħala t-tielet l-aktar partit li mistenni jikseb voti.