Dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela se jkompli jipparteċipa fit-tieni jum tas-Summit tal-Kunsill Ewropew, fi Brussell.
Matul il-jum tal-Ġimgħa, il-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu r-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-kontinent Afrikan, fejn fost it-temi diskussa hemm l-immigrazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew se jkun qed jiddiskuti r-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mat-Turkija u r-Russja.
Fl-ewwel jum ta’ dan is-Summit, il-mexxejja Ewropej laqgħu l-fatt li hemm koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Appellaw sabiex il-pajjiżi Ewropej jikkoperaw bejniethom fuq ix-xjenza u qablu li se jkun hemm djalogu aktar regolari dwar dan is-suġġett.
Il-mexxejja Ewropej qablu sabiex ikun hemm proċess u aċċess ġust u affordabbli għall-vaċċin tal-COVID-19.
Dwar dan is-suġġett f’kummenti lill-midja, il-Prim Ministru Malti Robert Abela saħaq li wieħed irid jaħseb mhux biss li jagħmel il-miżuri iżda li dawn il-miżuri jkunu sostennibbli u li jaħsbu fl-immedjat u anki fit-tul. Il-Prim Ministru Abela qal kif pajjiżna qed iħares sabiex ikun hemm aktar infurzar.
Dwar it-tibdil fil-klima, il-mexxejja Ewropej ma qablux jekk humiex lesti jaqtu 55% tal-emissjonijiet għat-tisħin globali sal-2030, b’din il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea se twassal sabiex il-kontinent Ewropew ikun ħieles mill-karbonju sal-2050. B’dan is-suġġett se jerġa’ jkun fuq l-aġenda tas-summit ta’ Diċembru.
Waqt l-ewwel jum tas-summit, il-mexxejja Ewropej qablu fuq ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit.
Il-Mexxejja Ewropej qablu li l-perjodu tranżitorju jibqa’ sal-aħħar ta’ din is-sena, filwaqt li qablu wkoll li l-Unjoni Ewropea se jibqa’ jkollha l-aħjar relazzjonijiet mar-Renju Unit, kemm fix-xenarju ta’ ftehim u anke jekk ma jkunx maqbul ftehim.
Il-mexxejja Ewropej qablu sabiex in-negozjatur ewlieni għal Brexit f’isem l-Unjoni Ewropea Michel Barnier ikompli bin-negozjati matul il-ġimgħat li ġejjin.
Il-mexxejja Ewropej għamlu wkoll appell lill-Gvern Ingliż biex jagħmel l-almu tiegħu ħalli jintlaħaq ftehim.
Dwar BREXIT, il-Prim Ministru Robert Abela qal, “Bħala Gvern antiċipajna dan il-pass għaliex qegħdin naħdmu bis-sħiħ biex ikollna l-arranġamenti kollha fis-seħħ għall-eventwalità li sal-aħħar ta’ din is-sena ma ma jintlaħaqx dan il-ftehim. Allura ikollna sitwazzjoni fejn ikun hemm, ‘no deal scenario’.”