Illum il-Partit Laburista se jkun qed jorganizza attività fl-Orpheum il-Gzira. Attività maħsuba biex tfakkar ir-raba’ sena minn meta l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali u għalhekk huwa mistenni d-diskors tal-prim ministru. Dwar dan ONE NEWS tkellem mas-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista William Lewis.
Huwa qal li llum se niċċelebraw erba’ snin ta’ Gvern Laburista u għalhekk il-Partit Laburista xtaq li jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Prim Ministru. Lewis spjega li Gvern Laburista wettaq ħafna bil-wiegħdiet tiegħu iżda fadal xi jsir matul din is-sena qabel ma nerġgħu nmorru quddiem il-poplu b’mandat ġdid. Għalhekk il-Prim Ministru se jkun qed jelenka dwar dak li sar u li qed isir. Il-Partit Laburista, fi kliem William Lewis, għaddej bil-ħidma biex jitħejja l-manifest biex inmorru quddiem il-poplu bi proposti ġodda.
Mistoqsi dwar ir-raġuni wara li dan l-avveniment politiku se jsir is-Sibt u mhux il-Ħadd, is-segretarju organizzativ spjega li dan sar minħabba li għada se tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġużepp u għalhekk il-Partit Laburista ħass li b’sens ta’ rispett għal dawk li jixtiequ jattendi għaliha, din l-attività kellha ssir is-Sibt.
Huwa temm jgħid li l-Prim Ministru se jkun qed jagħmel diskors importanti li matulu se jkun qed jelenka l-punti kollha mwettqa. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku, bħal ma jagħmel dejjem, jattendi għal din l-attività politika li se tibda fil-17.00pm.