Illum il-Prim Ministru Robert Abela se jattendi għal Summit tal-Kunsill Ewropew ġewwa Brussell, li se jkun maqsum fuq jumejn.
Fuq l-aġenda, is-27 mexxej Ewropew se jkunu qed jiddiskutu l-aħħar żviluppi dwar il-pandemija, hekk kif din reġgħet qed tgħolli rasha madwar l-kontinent Ewropew.
Se jkunu qed jiddiskutu wkoll ir-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit, hekk kif fl-aħħar ta’ din is-sena se jispiċċa l-perjodu transitorju u l-qbil bejn żewġ naħat għadu lura milli jseħħ.
Suġġett importanti ieħor li se jkunu qed jiddiskutu l-mexxejja Ewropej huwa t-tibdil fil-klima. Hawnhekk huma se jiddiskutu l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea dak tal-Green Deal, li sal-2050 il-kontinent Ewropew se jkun newtrali mill-karbonju.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-kontinent Afrikan, fejn hawnhekk l-Unjoni Ewropea qed tħares li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ dan il-kontinent. Fost it-temi li se jkunu diskussa hemm l-immigrazzjoni u se jkomplu jibnu ma’ dak miftiehem f’Malta waqt il-Valletta Summit f’Novembru tal-2015.