Illum, il-Prim Ministru Robert Abela se jmur lejn Brussell sabiex jattendi għal Summit tal-Kunsill Ewropew, li se jkun mifrux bejn il-jiem tal-Ħamis u l-Ġimgħa.
F’dan il-Kunsill Ewropew, is-27 mexxej mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jiddiskutu b’mod partikolari l-kriżi tal-enerġija, hekk kif il-prezzijiet tal-enerġija madwar l-Ewropa splodew ’il fuq.
Dwar dan is-suġġett, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li d-diskussjoni se tkun biex isibu triq ’il quddiem biex inaqqsu l-prezzijiet tal-enerġija għal familja u n-negozji minn madwar l-Ewropa.
Dan hekk kif fix-xitwa, meta l-aktar li tintuża l-enerġija, hemm il-biżgħa li bosta jridu jagħżlu bejn jekk għandhomx jixtru l-affarijiet neċessarji jew jekk għandhomx isaħħnu djarhom.
Qabel din il-laqgħa ta’ dawn il-jumejn il-President tal-Kunsill Ewropew qal li fost il-proposti hemm li jkun hemm xiri konġunt ta’ gass bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea u anki dik ta’ prezz massimu dwar il-gass.
Din id-diskussjoni bejn il-mexxejja Ewropej se tkompli fuq dik li kien hemm f’Summit informali tal-Kunsill Ewropew fi Praga, fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Apparti minn hekk, waqt is-Summit tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja se jiddiskutu wkoll il-gwerra fl-Ukrajna u anki se ssir diskussjoni dwar l-aħħar żvilluppi fiċ-Ċina.
In Brussels for 2 days of intensive #EUCO discussions focusing on energy prices and security of supply at a time when we need European solutions and concrete action. Discussions will also focus on economic issues, continued support for Ukraine and other external relations. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) October 20, 2022