Illum il-Prim Ministru Robert Abela se jħalli Malta għal Brussell hekk kif se jattendi għal Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew.
Is-summit mistenni jibda llejla għal ħabta tas-sebgħa ta’ filgħaxija u jkompli għada matul il-ġurnata t-Tlieta.
Illejla, waqt l-ikla ta’ filgħaxija, il-mexxejja Ewropej mistennija jiddiskutu r-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea ma’ diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Hawnhekk il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit.
Dan fid-dawl li mill-bidu ta’ Mejju ta’ din is-sena beda l-ftehim dwar il-kummerċ.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll ir-relazzjoni tal-Unjoni Ewropea mar-Russja u mal-Istati Uniti.
Dan bi preparazzjoni, hekk f’nofs Ġunju se jkun qed isir summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti.
Hawnhekk, il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu l-aħħar żviluppi fil-Lvant Nofsani u anki dak li seħħ ilbieraħ meta ġie rappurtat li nħataf ajruplan tar-Ryanair biex jinżel fil-Belarus u jiġi arrestat raġel li jopponi t-tmexxija tal-pajjiż tal-eks Unjoni Sovjetika.
Għada t-Tlieta, f’dan is-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew, is-27 mexxej Ewropew se tiġi diskussa l-pandemija globali, speċjalment it-tilqim.
Dan hekk kif issa l-pajjiżi madwar l-Unjoni Ewropea daħlu f’fażi oħra, hekk kif il-programm ta’ vaċċinazzjoni għaddej madwar kull pajjiż Ewropew.
Dan se jkun qed iwassal biex jitnaqqsu xi restrizzjonijiet iżda b’mod kawt minħabba l-varjanti l-ġodda li jinsabu madwar id-dinja.
Il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu ċ-ċertifikat tal-vaċċin, li kien hemm qbil fuqu fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Hawnhekk, il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu kif se jkun iffaċilitat ħajjet dawk li jridu jmorru minn pajjiż għall-ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Dwar dan iċ-ċertifikat tal-vaċċin, Malta kienet minn tal-bidu li saħqet sabiex dan iċ-ċertifikat jidħol fis-seħħ.
F’Jannar li għadda, is-sit awtorevoli Politico kien irrapporta kif il-Prim Ministru Robert Abela kien bagħat ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen sabiex din is-sistema titressaq il’ quddiem.
F’summit f’Porto li sar aktar kmieni dan ix-xahar, Dr Abela kien saħaq kif iċ-ċertifikat tal-vaċċin huwa għodda importanti għall-istaġun tas-sajf, sabiex ikun iffaċilitat il-moviment ħieles tal-persuni.
Dwar il-pandemija, il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll dwar kif l-Unjoni Ewropea se tqassam iżjed tilqim lill-pajjiżi terzi.
Fis-Summit Speċjali fi Brussell, is-27 mexxej Ewropej se jkunu qed jiddiskutu dwar it-tibdil fil-klima.