Illum f’pajjiżna se tasal il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
Fiż-żjara tagħha, Ursula von der Leyen mistennija tħabbar li l-Kummissjoni Ewropea formalment approvat il-Pjan ta’ Rkupru minn Fondi Ewropej ta’ Malta u tagħti l-ewwel fondi minn dan il-pjan lill-pajjiżna.
Il-Gvern Malti kien ħabbar dan il-Pjan ta’ Rkupru b’nefqa ta’ €345 miljun minn fondi Ewropej.
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi kien ħabbar li permezz ta’ dan il-Pjan ta’ Rkupru se jkun hemm 17-il proġett u inizjattivi, imsejsa fuq sitt oqsma.
Hawnhekk kien tħabbar kif kważi nofs dawn il-fondi se jindirizzaw il-bidla fil-klima, waqt li ftit aktar minn kwart tal-fondi sejrin lejn it-tranżizzjoni diġitali.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea se tkun qed tiltaqa’ mal-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja, fejn anke, iż-żewġ mexxejja mistennija jindirizzaw konferenza tal-aħbarijiet aktar tard.
Ursula von der Leyen mistennija żżur ukoll il-binja tal-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija Informatika, il-MITA.
Din iż-żjara ta’ von der Leyen qed issir ġurnata wara d-diskors annwali magħruf bħala State of the Union, fejn fih faħħret lil Malta għar-riformi favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.
AQRA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2021/09/15/state-of-the-union-il-president-tal-ke-tfahhar-lil-malta-ghar-riformi-favur-is-saltna-tad-dritt/