Bħalissa, il-poplu Taljan qiegħed jivvota f’elezzjoni ġenerali, wara li l-Prim Ministru Mario Draghi rriżenja f’Lulju li għadda u kellha ssir elezzjoni biex tagħżel Gvern ġdid.
Il-kampanja elettorali fl-Italja ntemmet il-Ġimgħa.
Skont l-opinjoni pubblika, il-koalizzjoni tal-lemin estrem immexxija minn Giorgia Melloni se ġġib l-akbar ammont ta’ voti f’din l-elezzjoni.
Il-partit ta’ Melloni huwa wieħed estremist, li ra s-sospensjoni ta’ kandidat li faħħar lil Hitler u lil Vladimir Putin.
F’din il-koalizzjoni hemm ukoll il-Partit tal-‘Lega Nord’, li huwa mmexxi minn Matteo Salvini u l-Partit ‘Forza Italia’ tal-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi.
Kemm Meloni u anki Salvini huma kritiċi kbar tal-Unjoni Ewropea. Tant li fl-aħħar ġurnata tal-kampanja elettorali, Salvini għamel protesta quddiem il-bini tal-Kummissjoni Ewropea f’Ruma.
Dan wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen wissiet li jkun hemm il-konsegwenzi jekk l-Italja tinqata’ mill-prinċipji demokratiċi.
Skont l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, il-Partit Demokratiku tal-eks Prim Ministru Enrico Letta se jġib it-tieni l-aktar numru ta’ voti f’din l-elezzjoni.
Oħrajn li qed jikkontestaw għal din l-elezzjoni huma Giuseppe Conte, Matteo Renzi u Carlo Calenda.
Din l-elezzjoni qed issir f’nofs il-kriżi internazzjonali tal-gwerra fl-Ukrajna li wasslet għal żieda kbira fil-kontijiet tal-enerġija.
Il-votazzjoni f’dan il-pajjiż ġar tagħna bdiet fis-7 ta’ filgħodu u se tibqa’ għaddejja sal-11 ta’ filgħaxija.