Hekk kif, aktar tard illum, fil-Parlament se jittieħed il-vot dwar l-emendi iżjed b’saħħithom fil-liġi tal-IVF, tkompli tinfirex l-iskumdità u l-qasma fost id-deputati tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq materja tant importanti u li tolqot lill-familji Maltin u Għawdxin.
Dawn l-emendi fil-liġi, maħsubin biex aktar nies ikunu jistgħu jsiru ġenituri, se jitpoġġew quddiem il-membri parlamentari proprju fil-mitt jum minn mindu bdiet leġiżlatura ġdida taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela.
L-emendi fil-liġijiet aktar b’saħħithom tal-IVF kienu waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-Partit Laburista, waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda. Il-Partit Laburista wiegħed li fi żmien mitt jum ta’ Gvern ġdid Laburista, dawn l-emendi se jkunu għaddew mill-Parlament.
Fost l-emendi hemm li jiżdiedu n-nies li jgawdu mill-proċess tal-IVF bla ħlas, bl-età togħla għal 45 sena, jiżdiedu ċ-ċikli tal-IVF mingħajr ħlas, u s-servizz jiġi offrut anki lil min diġà għandu l-ewwel wild.
L-emendi se jagħtu aktar aċċess lit-tobba u l-ispeċjalisti sabiex jagħmlu użu aħjar mill-aħħar teknoloġija medika biex jiġu evitati stejjer ta’ qsim il-qalb, meta jkun hemm ċertezza li t-trabi jmutu fi ftit ġimgħat jew xhur wara li jkunu twieldu.
Quddiem il-vot tal-lejla, l-arja hija tqila fil-bankijiet tal-Oppożizzjoni hekk kif kulħadd qed jistenna x’se jkun l-eżitu tal-kunflitt intern dwar jekk Bernard Grech jagħtix il-vot ħieles jew le lid-deputati tal-Oppożizzjoni dwar din il-materja. Wara li l-eks Kap tal-PN, id-deputat Adrian Delia, ikkuntrarja lill-Kap tiegħu u baqa’ jesiġi li jrid vot ħieles, esprimew ruħhom favur il-vot ħieles ukoll deputati oħrajn, fosthom Alex Borg, Carm Mifsud Bonnici, Ivan Bartolo, u Paula Mifsud Bonnici. Madankollu, Bernard Grech s’issa baqa’ jinjora t-talbiet tagħhom.