Fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ikkrea għoxrin Kardinal ġdid.
Sittax minn dawn il-Kardinali għandhom anqas minn tmenin sena u għalhekk huma Kardinali msejħa eletturi, hekk kif meta jirreżenja jew imut il-Papa, dawn ikollhom vot fil-konklavi biex jeleġġu s-suċċesur ta’ Pietru.
Dan huwa t-tmien Konċistorju tal-Papa Franġisku, b’dan tal-aħħar jitqies bħala wieħed li jħares lejn Knisja aktar inklussiva.
Fil-fatt, il-Kardinali li rċievu l-berittin l-aħmar illum, ġejjin minn ħames kontinenti. Fil-Kulleġġ tal-Kardinali se jiżdiedu membri minn tliet ordnijiet reliġjużi u minn erba’ pajjiżi differenti.
Fil-Konċistorju, il-Kardinali se japprovaw ukoll il-kanonizzazzjoni ta’ żewġ persuni.
Bil-Konċistorju tal-lum, il-Kulleġġ tal-Kardinali issa huwa ffurmat minn mitejn u sitta u għoxrin Kardinal, li mija u tnejn u tletin minnhom huma Kardinali bil-privileġġ tal-vot fil-Konklavi filwaqt li erbgħa u disgħin minnhom għandhom ’il fuq minn tmenin sena u għalhekk ma jivvutawx.
Tnejn u ħamsin Kardinal kienu ġew kkreati minn Ġwanni Pawlu t-Tieni, erbgħa u sittin Kardinal mill-Papa Benedittu Sittax u mija u tnax minn Papa Franġisku.
Intant, f’din l-okkażjoni l-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede spjega ma’ ONE News kif fil-konċistorju li qed iseħħ bħalissa, il-Papa sejjaħ il-Kardinali kollha tad-dinja biex jattendu.
Qal, “Meta l-Papa jieħu parir aktar wiesa’ iktar dettaljat allura jista’ jsejjaħ Konċistorju Straordinarju, meta l-Papa jsejjaħ il-Kardinali tad-dinja kollha, anke dawk ‘il fuq minn 80 sena. Iġifieri kull Kardinal li kien kreat Kardinal minn qabel ma jsejjaħ il-Papa, ikun imsejjaħ biex jiddiskutu miegħu punti dotrinali.”
Il-Papa, li jgħodd il-ħamsa u tmenin sena u li riċentament qed jidher fuq siġġu tar-roti minħabba li saħħtu dejjem sejra lura, kien qal mal-midja li għalissa m’għandu l-ebda pjan li jirreżenja.
Il-Vatikanista Frank Zammit spjega wkoll għaliex f’okkażjoni bħal tal-lum tintuża l-kelma jikkrea.
Qal, “Filli tkun qed tagħmel xogħol ieħor u filli l-Papa jgħajjatlek għal din il-missjoni ta’ Kardinal. Għalhekk din il-kelma, hemm simboliżmu fiha, kreazzjoni għax inti tiġi kkreat Kardinal mix-xejn.”