“In-Nazzjon huwa l-poplu li jagħmlu.”
Kien b’dan id-diskors li l-Prim Ministru Robert Abela uża meta kien qed jitkellem dwar bosta temi oħra li jolqtu lil kull Malti u Għawdxi.
Hekk kif beda d-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li wieħed ma jistax jitkellem dwar nazzjon b’saħħtu mingħajr ma jara li n-nies ikunu b’saħħithom.
Dr Abela spjega kif f’kuntest ta’ pandemija dan il-prinċipju ngħata l-akbar prijorità u b’hekk illum in-nazzjon tagħna għandu jkun kburi.
Huwa stqarr: “In-nazzjon tagħna għandu jkun kburi meta d-dinja tħares lejh biex tfaħħru, u saħansitra tużah ta’ eżempju, kif wara kollox seħħ fl-aħħar snin anke f’oqsma oħra.”
Madankollu l-Prim Ministru tenna li dan seta’ jsir għaliex grazzi għal ekonomija b’saħħitha, Malta setgħet tilqa’ għall-pandemija b’mod b’saħħtu.
Sostna li Malta għad trid tilħaq il-quċċata f’dan ir-rigward.
Dr Abela tenna: “L-aħħar deċenju kien dak li rana nneħħu d-distakk li kien jeżisti bejna, u l-medja Ewropea, fejn jidħol ġid nazzjonali u r-rata ta’ impjiegi. Id-deċenju li jmiss irid jara li nsiru ċentru ta’ eċċellenza. Jekk qabel konna naspiraw li nlaħħqu mal-medja, illum il-mira għandha tkun li nilħqu l-quċċata.”
Tul id-diskors tiegħu, Dr Abela pponta għal dak li ħareġ minn stħarriġ ippreżentat minn Dr Vincent Marmarà u li sar u li wera l-importanza li għadhom jagħtu l-Maltin lill-element tal-familja u komunità u b’hekk l-importanza tal-ħidma tal-Gvern li tibqa’ timraħ f’dan ir-rigward.
Huwa saħaq: “Għax l-Għawdxin u Maltin mhux biss iqumu għal kull okkażjoni, iżda aktar importanti minn hekk, iqumu għall-okkażjoni magħqudin fejn jirrenja s-sens ta’ komunità. B’dak li rajt fl-aħħar xhur, illum ma kont sorpriż xejn bir-riżultat tal-istħarriġ li ppreżentajtu fejn deher ċar li l-familja tibqa’ fiċ-ċentru tas-soċjetà tagħna. Aħna rridu nibqgħu nsaħħuha fid-diversi forom tagħha. Għax is-suċċess kollu li qed nagħmlu huwa s-suċċess tal-Għawdxin u l-Maltin ilkoll flimkien.”
Il-Prim Ministru rrimarka għall-importanza ta’ ħidma f’ċertu setturi bħal dak ambjentali biex il-kwalità tal-ħajja tibqa’ tittejjeb.
Hawnhekk Dr Abela sostna l-mira ewlenija mfassla mill-Gvern biex Malta tkun ħielsa mill-karbonju sal-2050. B’miri intermedjarji kull għaxar snin.
Prim Ministru sostna: “Investiment li jżommna għaddejjin b’saħħitna, mexjin ’il quddiem f’direzzjoni li tkun tajba għall-ġenerazzjonijiet futuri daqskemm għalina. L-ambjent huwa parti essenzjali ta’ dak li jagħmilna nazzjon. Huwa dover ta’ kullħadd li flimkien nibnu soċjetà li timxi skont prijoritajiet differenti minn dawk li kellna fl-ewwel stadju tan-nazzjon tagħna.”
Fuq il-ħidma tal-Gvern biex jassigura s-serħan il-moħħ, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka wkoll l-importanza li jibqgħu jsiru r-riformi f’pajjiżna fosthom dawk favur is-saltna tad-dritt.
Il-Prim Ministru saħaq li biex dan kollu jsir hemm bżonn il-kuraġġ li jittieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli.
Il-Prim Ministru tenna li dan il-Gvern fadallu ħafna iktar x’jikseb għal kull Malti u Għawdxi.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/06/04/ghalina-kulhadd-huwa-importanti-il-pm/