“Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna.”
Dan huwa l-messaġġ li l-Knisja Ortodossa Kopta f’Malta riedet twassa fl-okkażjoni tal-Milied Ortodoss iċċelebrat fis-7 ta’ Jannar.
ONE News iltaqa’ ma’ Kopti Ortodossi f’Ħaż-Żebbuġ.
Bħala l-ewwel Kristjani, il-Kopti Ortodossi jmorru lura għexieren ta’ snin. L-Evanġelista San Mark, fis-sena 55 tal-ewwel seklu, waqt li kien fl-Eġittu beda jippriedka l-Kristjaneżmu u b’hekk kienet twaqqfet il-Knisja Apostolika, li tħaddan ħafna minn twemminha, bħal Knisja Kattolika. Il-Kap tal-Knisja tal-Kopti Ortodossi Orjentali bħalissa huwa l-Papa Tawadros it-tieni ta’ Lixandra. Il-komunitajiet tal-Kopti Ortodossi madwar id-dinja iqattgħu 40 jum ta’ sawm, bħala tħejjija għal din il-festa, li jinkludi ikel sempliċi li ma jikkonsistix minn laħam u prodotti ġejjin speċifikament mill-annimali. F’dan iż-żmien jittiekel biss ħaxix, frott u żrieragħ.
Ġietna kurżita u staqsejna għaliex il-Knisja Ortodossa Kopta tiċċelebra il-Milied fis-7 ta’ Jannar flok fil-25 ta’ Diċembru. Wieġeb dan, Arsanius Williams, li huwa djaknu u li kien qed jgħin waqt il-quddiesa bħala abbati.
Qal, “Matul l-1582, il-Papa Gregorju nduna li hawn inkosistenza dwar il-Kalendarju Ġuljan li mhux eżatt 365 jum u sitt sigħat u minħabba din id-differenza kellhom jirranġaw il-ġranet u għalhekk ġie introdott il-kalendarju Gregorjan u minħabba f’hekk, meta konna niċċelebraw il-Milied flimkien fil-25 ta’ Diċembru imxiet għaxar t’ijiem żejda u b’hekk niċċelebrawha fis-7 ta’ Jannar u għalhekk kull 400 sena tiżdied ġurnata.”
Tkellimna ma’ familja li kienet preżenti għall-quddiesa tal-Milied u staqsejnihom kif ħa jqattgħu din il-ġurnata.
Spjegaw, “Inqumu filgħodu, nieklu ikla flimkien, ngħid lit-tfal Happy Christmas, nagħtu r-rigali, imbagħad inċempel lil mama u lil ħuti.”
Hekk kif lesta ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa, kellimna lil Abuna Paulos El Soriany, il-Kap tal-Knisja tal-Kopti f’Malta, li għandha relazzjoni tajba ħafna ma’ dik Kattolika, xtaq iwassal messaġġ lill-Maltin.
Qalet, “Fil-messaġġ lill-Maltin ngħidilkom grazzi ħafna u ngħidilkom qabel mal-bieb ikun miftuħ, il-qalb tkun miftuħa.”