Jum il-Ġimgħa l-Kbira. Il-jum li jfakkar il-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
Wara erbgħin jum tar-Randan, il-Knisja Kattolika fakkret il-mewt ta’ Ġesu’ Kristu.
F’dan il-jum ma jkun iċċelebrat l-ebda quddies, ħlief għall-funzjoni tal-Adorazzjoni tas-Salib, li ssir fit-tlieta ta’ waranofsinhar.
Din tkun ikkarretterizzata minn ġabra u anki sempliċita, waqt li l-qofol tkun il-figura ta’ Ġesu’ msallab fuq is-salib.
Bl-altar tal-Knejjes ikun imneżża’ r-rakkont tal-passjoni u ssir qima lejn ix-xbieha ta’ Kristu msallab mas-salib.
Il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira huwa wieħed ta’ sawm u astinenza, bi tħejjija għall-akbar festa tal-Knisja Kattolika, dik tal-Għid il-Kbir.
Wara l-funzjoni tat-tlieta ta’ waranofsinhar, joħorġu l-purċissjonijiet tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira bl-istatwi li juru l-ġrajjiet mill-passjoni u l-mewt ta’ Ġesu’ Kristu.
Dawn il-purċissjonijiet irritornaw hekk kif l-aħħar darba li ħarġu dawn l-istatwi kien fl-2019. Dan minħabba s-sentejn ta’ pandemija, waqt li s-sena l-oħra l-purċissjonijiet tħassru minħabba l-maltemp.
Dwar dan il-jum, ONE News tkellem mal-istoriku Mario Coleiro.
“Għalkemm hemm xebħ ma’ dak li jseħħ fi Spanja u Sqallija, pero aħna żviluppajna l-forma tagħna u prattikament huma manifestazzjoni biex iffakkruna f’dak li għadda minnu Sidna Ġesu’ Kristu meta bagħtha l-passjoni għalina u l-messaġġ warajhom huwa li aħna nħarsu lejn xbihat tal-għeżież tagħna nħarsu lejn dawn il-vari li jfakkruna f’dak li għadda minnu Kristu u l-personaġġi li jkun hemm fil-purċissjoni għaliex huma kollha personaġġi li kienu qegħdin jirriflettu dak li għadda minnu Kristu.”
Il-purċissjoni bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira ssir fi tnax-il lokalita f’Malta u f’Għawdex issir f’ħames irħula.