Is-Sibt 26 ta’ April tal-2025. Il-Knisja Kattolika sellmet lill-Papa Franġisku, li ħalla din id-dinja nhar it-Tnejn li għadda, fl-għomor ta’ 88 sena.
Għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, it-tebut inħareġ mill-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, wara li mill-Erbgħa sal-Ġimgħa, il-ġisem tal-Papa Franġisku kien espost għall-qima tal-pubbliku.
Il-quddiesa kienet ikkonċelebrata mid-Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali, il-Kardinal Taljan Giovanni Battista Re, li għandu 91 sena.
Fuq in-naħa tax-xellug tal-artal fil-Pjazza tal-Vatikan kien hemm il-Kardinali, waqt li fuq in-naħa tal-lemin kien hemm il-mexxejja u dinjitarji minn madwar id-dinja.
Fost dawn kien hemm id-delegazzjoni Maltija li kienet immexxija mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono.
Flimkien mal-President kien hemm żewġha Anthony Spiteri Debono. Kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela, kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Quddiem l-artal kien hemm it-tebut tal-Papa Franġisku, tebut sempliċi b’salib fuqu.
Kienet quddiesa li minkejja n-nieket, iċċelebrat l-għaqda madwar id-dinja. Dan hekk kif fost oħrajn it-talbiet wara l-Omelija saru b’diversi lingwi. Fosthom bil-Franċiż, l-Għarbi, il-Portuġiż, il-Pollakk, il-Ġermaniż u ċ-Ċiniż.
Wara t-tqarbin, il-Kardinali flimkien ma’ nies preżenti talbu għall-qaddisin sabiex jitolbu għar-ruħ il-Papa Franġisku.
Fl-aħħar tal-quddiesa, il-Kardinal Giovanni Battista Re bierek it-tebut tal-Papa Franġisku, bl-ilma mbierek u wara bl-inċens.
Fil-Pjazza tal-Vatikan kienet iddominata minn silenzju waqt ftakret fil-ħajja tal-Papa Franġisku.
Wara t-tebut intrefa’ minn 14-il persuna u ttieħed lejn il-Bażilika ta’ San Pietru għall-aħħar darba.
Minn hemmhekk it-tebut tal-Papa Arġentin ittieħed lejn il-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, f’Ruma. Il-post fejn xtaq li l-Papa Franġisku jindifen wara li jmut. Dan fl-istess post fejn ta sikwit kien imur jitlob, fosthom qabel kull vjaġġ Appostoliku.
Eluf ta’ nies kienu preżenti, mal-ġenb tat-toroq, fl-aħħar vjaġġ mill-Vatikan sal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma. Vjaġġ ta’ madwar sitt kilometri u madwar ix-Xmara Tibet.
Fost l-oħrajn il-Popemobile li fuqu kien hemm it-tebut tal-Papa Franġisku, għaddiet minn quddiem il-Kolossew.
Imbagħad id-difna tal-Papa Franġisku kompliet b’mod privat fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore. Hawnhekk kien hemm mument ta’ talb mill-Kardinali.
Il-Papa Franġisku jinsab midfun fiċ-ċentru ta’ Ruma u se jkun miftuħ mill-Ħadd.
Skont uffiċjali Taljani ntqal li fil-Vatikan u fil-madwar kien hemm preżenti madwar 400,000 persuna.