Illum il-Knisja Kattolika tfakkar il-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Il-Ġimgħa l-Kbira f’pajjiżna għandha għeruq li jmorru lura għal mijiet ta’ snin, fosthom il-purċissjonijiet f’diversi bliet u rħula.
Wara sentejn pandemija, il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa madwar pajjiżna mistennija joħorġu, dejjem jiddependi skond it-temp kif se jkun illum wara nofsinhar. Dan hekk kif ir-riħ qawwi li qed jaħkem lill-pajjiżna diġà wassal biex ittieħdet id-deċiżjoni li jinbidlu xi rotot tal-purċissjoni.
L-ewwel purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira bdew fir-Rabat u l-Belt Valletta u wara kompliet fil-Kottonera u f’irħula oħra madwar Malta u Għawdex.
F’pajjiżna l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, wara l-Adorazzjoni tas-Salib, isiru f’sittax-il belt u raħal.
Intant, l-istazzjon ONE se jxandar l-Adorazzjoni tas-Salib fit-3:00pm u l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mill-Knisja Kolleġjata ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi.