Il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes tiċċelebra żewġ avvenimenti storiċi: l-iskopertà tal-Veru Salib minn Santa Elena, l-omm tal-Imperatur Kostantinu, fis-sena 320 taħt it-tempju ta’ Venere f’Ġerusalemm, u d-dedikazzjoni tal-bażilika fis-sena 335 mibnija fuq l-għolja tal-kalvarju minn Kostantinu , li jimmarka s-sit tal-Kruċifissjonu.
Il-Bażilika, imsejħa l-Martirju, u s-santwarju, imsejjaħ il-kalvarju, ġew meqruda mill-Persjani fl-614. Il-Knisja tas-Santu Sepulkru nbena mill-Kruċjati fl-1149. Din il-festa tal-eżaltazzjoni ssir fl-14 ta’ Settembru.
Madankollu, din il-festa aktar minn kull ħaġ’oħra, hija ċelebrazzjoni u kommemorazzjoni tal-akbar ħidma ta ‘Alla: ir-rebħa ta’ Gesù fuq il-mewt permezz tas-Salib u l-qawmien tiegħu, li fetħet il-bibien għall-Ġenna. Magħha, hija marbuta wkoll din il-festa tas-sejba tas-salib li tiġi ċċelebrata propju llum 3 ta’ Mejju; festa importanti għaliex is-sejba tas-salib fissret ħafna.
Bħal-lum issir festa kbira f’Birkirkara fejn anke toħroġ l-istatwa devota ta’ Santa Liena b’attendenza numeruża. Minħabba riħ qawwi li qed jolqot il-gżejjer Maltin, din iċ-ċelebrazzjoni ġiet trasferita għall-ħadd li ġej fid-8.45am. Madanakollu, il-funzjonijiet tal-knisja fuq ġewwa se jsiru xorta waħda kif pjanat illum.
Din is-sena l-Banda Duke of Connaught’s Own sejra takkumpanja l-purcissjoni bil-vara maestuza ta’ Santa Liena, ir-Rev. Kapitlu Elenjan u r-relikwa tal-Vero Lignum li se tgħaddi minn Triq il-Wied u minn quddiem is-sede tas-Soċjetà Duke of Connaught’s Own. L-aħħar darba li għaddiet minn quddiem il-każin magħruf bħala Ta’ l-Għama kien nhar il-festa ta’ Santa Liena tal-2003.
Ritratt ta’ Santa Liena: Mariorick Mifsud