Skont il-Kalendarju tradizzjonali Ċiniż, il-21 ta’ Jannar tibda s-sena l-ġdida Ċiniża li hija magħrufa wkoll bħala l-Festival tar-Rebbiegħa.
Matul dan tmiem il-ġimgħa, fiċ-Ċina qed ikun iċċelebrat b’mod sħiħ, dan il-bidu tas-sena Ċiniż, li hija mbassra bħala s-sena tat-tama.
Wara li s-sena 2022 kienet ddedikata lit-tigra, skont iż-żodijaku Ċiniż, is-sena 2023 hija s-sena tal-fenek u l-ilma, li hija meqjusa li ġġib xorti tajba u li hija wkoll marbuta ma’ ħajja twila.
Is-sena ġdida Ċiniża żviluppat fi btala aktar sekulari fejn ħafna mill-elementi tradizzjonali iddaħħlu fi prattiċi kulturali u tradizzjonijiet.
Fost dawn insemmu dik tal-bdil tal-envelloppi bil-flus, il-wirjiet tal-lanterni u l-mużika u ż-żfin tradizzjonali Ċiniż. Kull bidu ta’ sena ġdida Ċiniza tqarreb aktar lill-familji u lin-nies lejn xulxin.
Il-kalendarju Ċiniż għandu tnax-il sinjal taż-żodijaku f’firxa ta’ tnax-il sena.
Dan ifisser li l-2011 kienet is-sena dedikata lil fenek ukoll u is-sena 2035 terġa’ tkun iddedikata lil dan l-annimal, li huwa kkunsidrat li jġib sena ta’ serenità u paċi u li tkun ta’ suċċess u li ġġib ir-risq lid-destin.
Sadanittant, f’għeluq il-ħamsin anniversarju minn mindu pajjiżna beda r-relazzjonijiet diplomatiċi mill-qrib maċ-Ċina, inħarġet bolla kommemorattiva li saħansitra turi l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u dak li huwa magħruf bħala t-tempju tal-ġenna fiċ-Ċina, fiċ-ċentru ta’ Beijing.
Iltqajna ma’ Reno Calleja li għadu jaħdem bi sħiħ sabiex isaħħaħ ir-rabtiet ta’ Malta maċ-Ċina. Tlabnieh jgħidilna xi jfissru għalih ir-rabtiet mill-qrib ta’ pajjiżna maċ-Ċina.
Huwa spjega, “Kif tafu intom dawn bdiehom Mintoff, meta mar hu, dawn tawh laqgħa ikbar minn Nixon, li mar tliet xhur qabel, u r-rabta bejn iċ-Ċina u Malta hija importanti għax kienu ċ-Ċiniżi strumentali biex aħna żganċajna minn fuq id-dipendenza minn fuq is-servizzi Ingliżi, l-ikbar żewġ progetti f’Malta; in-Number 6 Dock u l-Freeport bnewhom huma.”
Staqsejnieh dwar is-sinifikat ta’ din il-bolla kommemorattiva.
Temm jgħid, “Dawk juru kemm jirrispettawna ċ-Ċiniżi fl-għeluq il-50 sena, ħarġu bolla kommemorattiva bil-Konkattidral ta’ San Ġwann u t-Temple of Heaven, l-iktar tempju magħruf fiċ-Ċina. Dak juri x rispett kbir għandhom għal Malta, din it-tikka Malta. Jien kburi . Għalhekk ħadt pjaċir… dik bolla rari.”