Il-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela llejla se jippreżenta t-tielet Baġit għal din il-leġiżlatura bit-tema tkun ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Il-Baġit 2025 se jiġi ppreżentat mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fil-Parlament, b’diskors li jibda fis-6:30 ta’ filgħaxija.
Hawn, hu se jagħti l-viżjoni u d-direzzjoni li pajjiżna jrid jieħu f’diversi setturi fis-snin li ġejjin, eku ta’ dak imħabbar fl-aħħar ġimgħat mill-Gvern permezz tal-‘Viżjoni Malta 2050’.
Ilbieraħ, ġurnata qabel jitħabbar il-baġit għas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li, wara d-diskors tradizzjonali tal-baġit, il-Gvern se jtellaq ġimgħa ta’ tħabbir ta’ miżuri b’differenza minn snin oħra. Spjega li din id-darba mhijiex Budget Day, iżda l-Gvern se jippreżenta Budget Week.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li, minn għada t-Tlieta, kull Ministeru se jagħmel tħabbiriet sostanzjali għal kull settur separat, fejn se tingħata direzzjoni speċifika.
Fost dawk li diġà saru pubbliċi, il-Baġit 2025 se jinkludi l-miżura tat-tnaqqis fit-taxxi, li se tgħin partikolarment lill-klassi medja, żieda oħra fil-pensjonijiet u t-tkomplija tas-sussidji fejn jidħlu l-kontijiet tad-dawl, il-fuels u l-gass.
Qabel jiġi ppreżentat fil-Parlament, kif inhi l-prassi, il-Ministru għall-Finanzi jitlaq lejn il-Palazz tal-Granmastru biex jippreżenta l-baġit lill-President Myriam Spiteri Debono, li tiffirmah.
Mill-Palazz, imbagħad, il-Ministru Caruana jmur dirett lejn il-bini tal-Parlament biex jippreżentah lill-poplu.
Ara wkoll: