Illum se jkompli s-summit tal-Kunsill Ewropew dwar il-baġit għas-seba’ snin li ġejjin flimkien mal-pakkett ta’ rkupru mill-pandemija.
Dan hekk kif ilbieraħ filgħaxija, il-mexxejja Ewropej għażlu li jkomplu bit-taħdidiet, anki fil-jum tal-Ħadd, minkejja li kien previst li s-summit jintemm is-Sibt.
Is-Sibt filgħodu dehru rapporti li jista’ jkun ma jintlaħaqx qbil bejn il-mexxejja tal-istati membri u għalhekk, is-summit ikompli fil-jum tal-Erbgħa, li jfisser li l-mexxejja kienu jitilqu minn Brussell fi tmiem din il-ġimgħa.
Madankollu l-fatt li llum komplew għaddejin it-taħdidiet, wieħed jista’ jifhem li jista’ jkun hemm ftehim fil-qrib dwar il-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin.
Nifhmu li l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel ressaq proposti ġodda għal ftehim biex jintlaħaq fil-jum tal-Ħadd.
Il-Prim Ministru Malti Robert Abela qed jattendi dan is-summit, u sostna li l-Gvern se jaħdem qatigħ biex Malta tieħu dak li verament ħaqqha.
F’dawn il-laqgħat, il-mexxejja Ewropej daħlu aktar fil-fond tal-proposti ġodda mressqa mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, f’tentattiv li jintlaħaq kompromess dwar iż-żewġ budgets.
Fid-diskussjonijiet li saru sa issa, spikka n-nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi dwar l-ammonti li għandhom imorru għal kull pajjiż.
Il-Prim Ministru Malti qal li l-problema prinċipali ddur mal-fond ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija, hekk kif l-Olanda qed tinsisti fuq il-prinċipju tal-Governanza tal-fond.
Dr. Robert Abela qal: “Jekk nieħdu t-Taljani jridu metodu aktar rilassat ta’ kif wieħed jaħdem f’dan il-proċess, l-Olandiżi jridu metodu aktar strinġenti u allura fejn wieħed se jsib il-bilanċ. Wieħed irid jifhem dawn iż-żewġ pożizzjonijiet imma fl-aħħar mill-aħħar wieħed irid isib il-punt ta’ żblokk inkella se nispiċċaw id-diskussjoni ta’ tmiem din il-ġimgħa u ngħidu li ma ftehmniex. Jien nibqa’ ottimist li hemm lok ta’ fejn wieħed jista’ jilħaq bilanċ u jara l-pożizzjonijiet rispettivi li nistgħu nikkonkludu dwarhom.”
Il-Prim Ministru fisser il-pożizzjoni ċara ta’ Malta hija waħda ċara, li l-ftehim aħħar jkun wieħed ġust li jagħraf ir-realtà ta’ Malta u d-dipendenza tagħha fuq it-turiżmu, minkejja li fl-aħħar snin kellha tkabbir ekonomiku bla preċedent.
“Fiż-żewġ pakketti rridu naraw li aħna nġibu ftehim sodisfaċenti għal pajjiżna minkejja li l-kriterji li jintużaw juru li s-suċċess ta’ pajjiżna jaħdem kontrina, aħna se nibqgħu ninsistu li jkollna ftehim b’saħħtu għal pajjiżna li jrid jiżboq dak li kellna fis-seba’ snin li għaddew. Mhuwiex faċli għax in-numri din id-darba huma kontrina imma nibqgħu naħdmu, nibqgħu nipperseveraw sabiex inġibu dak li verament jixraq lil pajjiżna”, saħaq il-Prim Ministru s-Sibt filgħaxija.