Illum ikompli l-għadd tal-voti fi 22 lokalità oħra fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Dan wara li ngħata bidu għall-għadd tal-voti f’din l-elezzjoni lbieraħ, fejn ġew eletti l-kandidati ta’ tlieta u għoxrin lokalità madwar il-pajjiż.
Il-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza fi ħmistax-il lokalità.
F’dan l-għadd, il-Partit Laburista eleġġa 83 kunsillier, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista eleġġa 68 kandidat. Kien hemm ukoll 4 kandidati indipendenti li ġew eletti.
Iċ-ċifri juru wkoll kif hawnhekk il-Partit Laburista rebaħ erbgħa u ħamsin punt tnejn fil-mija tal-voti kollha f’dawn il-lokalitajiet, jiġifieri 45,790 vot. Id-distakk fuq il-Partit Nazzjonalista hu ta’ 11,758 vot.
Il-Prim Ministru Robert Abela awgura lis-Sindki, Viċi-Sindki u Kunsilliera eletti fl-ewwel jum tal-għadd tal-voti. Saħaq kif qed iħares ‘il quddiem għal ħafna ħidma flimkien għal-lokalitajiet.
Fuq Facebook tenna li huwa sodisfatt bl-appoġġ b’saħħtu li kisbu l-kandidati tal-Partit Laburista u kif minn kull lokalità hemm it-tagħlimiet li rridu nieħdu u r-realtajiet x’nindirizzaw.
L-aħħar 23 lokalità se jiġu deċiżi għada l-Ġimgħa