Ilbieraħ filgħaxija, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista sar l-għadd tal-voti għall-kariga tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament.
Votazzjoni li matula ebda kandidat ma ġab il-50% u vot u għalhekk it-tellieqa se tkompli llum din id-darba bejn żewġ kandidati: Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.
Għalhekk, ir-responsabbiltà importanti tad-delegati tal-Partit Laburista tkompli llum, hekk kif mat-tokki tal-10.00 se tibda l-votazzjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Votazzjoni li se tintemm illum fit-20.00 biex imbagħad jibda l-proċess tal-għadd tal-voti li se jkun qed jiddetermina l-vot finali u l-għażla tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
Ilbieraħ, ivvotaw 745 minn 756 delegat li quddiemhom ma kellhomx biss il-vot għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament iżda kellhom ukoll vot ta’ fiduċja fil-Prim Ministru Joseph Muscat u d-Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-Partit Chris Cardona. Fil-fatt kienu 99% li ddikjaraw fiduċja sħiħ fil-Prim Ministru Joseph Muscat u 88% li ddikjaraw fiduċja fid-Deputat Mexxej Chris Cardona.
Intant, il-portal ONE.COM.MT se jkun qed jaġġornakom b’kull żvilupp f’din l-elezzjoni.