Fil-ħmistax ta’ Awwissu, il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa ta’ Santa Marija, bit-tlugħ fis-sema tal-Madonna.
F’Malta din il-festa tiġi ċċelebrata f’seba’ lokalitajiet, li huma l-Mosta, Ħal Għaxaq, il-Gudja, Ħ’Attard, l-Imqabba, il-Qrendi u r-Rabat Għawdex.
Il-festa ta’ Santa Marija, bħall-maġġoranza tal-festi ċċelebrati din is-sena, ġiet wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija.
It-Tnejn filgħodu, ONE News żar waħda mil-lokalitajiet li fiha tkun iċċelebrata din il-festa; il-Mosta.
Qabel il-quddies Pontifikali fid-disgħa u nofs, tkellimna ma’ diversi persuni li kienu ħdejn ir-Rotunda, li qalulna xi tfisser għalihom il-festa ta’ Santa Marija.
Oħrajn qalulna kif din is-sena kien hemm aktar stennija għaliha, wara żewġt isjuf mingħajrha minħabba l-imxija tal-Covid-19.
In-nies li tkellimna magħhom fakkru wkoll li l-festa fil-Mosta qed issir wara l-isplużjoni li saret f’kamra tan-nar f’din il-lokalità f’Ġunju li għadda.
Fortunatament, kif qalulna l-Mostin, Santa Marija daħlet għal ħdax-il persuna li kienu fil-kamra tan-nar, li kollha salvaw minn dik li setgħet kienet traġedja.