Illum l-Ewropa qed tiċċelebra t-80 anniversarju ta’ VE Day, mument storiku deċiżiv li mmarka ċ-ċediment bla kundizzjonijiet tal-Ġermanja Nażista lill-forzi Alleati fl-1945. Ġimgħa qabel Hitler kien ikkommetta suwiċidju billi spara għalih innifsu f’bunker f’Berlin.
Dan l-avveniment storiku kien t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa, wara sitt snin sħaħ ta’ kunflitt kbir, qerda u telfa kbira ta’ ħajjiet.
Fis-7 ta’ Mejju 1945, il-Ġermanja ffirmat l-atti ta’ ċediment f’Reims, Franza, u l-aħbar ġiet ippubblikata l-għada. F’dawk il-jiem, il-popli tal-pajjiżi Alleati ħarġu fit-toroq jiċċelebraw, iċapċpu u jgħannqu lil xulxin.
Għalkemm l-involviment dirett ta’ Malta f’dan il-kunflitt kien spiċċa meta l-Italja ċediet sentejn qabel, xorta dan kien mument ta’ soljev mil-lockdown li kellha ssofri għas-sitt snin twal ta’ gwerra. Il-qlubija tal-Maltin fil-gwerra kien ukoll diġà stabbilit bl-għoti tal-George Cross f’April 1942 bil-kuraġġ tal-poplu jkun issiġillat fl-istorja, iżda l-paċi kienet xi ħaġa mixtieqa minn kulħadd sabiex jerġgħu jibdew jgħixu ħajja normali għalkemm kulħadd kien irrealizza li d-dinja kienet inbidlet.

Fir-Renju Unit, il-Prim Ministru Winston Churchill indirizza lin-nazzjon, u r-Re Ġorġ VI għamel xandira fuq ir-radju. Eluf inġabru f’Trafalgar Square u barra l-Palazz Buckingham, fejn dehret il-familja rjali flimkien ma’ Churchill f’mument ta’ għaqda u ferħ nazzjonali.
F’Times Square, New York il-President Truman sellem lill-predeċessur tiegħu Franklin D. Roosevelt li kien miet xahar biss qabel filwaqt li qal li kienet siegħa solenni iżda glorjuża bil-bnadar tal-libertà jperpru fl-Ewropa.
Iżda VE Day ma kinitx biss festa kien ukoll mument ta’ riflessjoni. Miljuni kienu tilfu ħajjithom, familji sfaw mifruda, u bliet ġew meqruda. Għal ħafna, it-tmiem tal-gwerra ġab serħan imma wkoll dwejjaq u l-bidu ta’ ħidma mill-ġdid.
L-effetti tal-gwerra iżda damu jinħassu bi snin twal ta’ razzjonamenti, awsterità u influs kbir ta’ refuġjati maħruba mill-vendetta Russa u l-fdalijiet li ħalla warajh it-Third Reich.
Għalkemm il-gwerra fl-Asja kompliet sa Awwissu 1945, VE Day jibqa’ simbolu qawwi ta’ libertà, reżiljenza u koperazzjoni internazzjonali. Illum, dan il-jum jitfakkar b’ċerimonji, parati u mumenti ta’ silenzju biex infakkru lil dawk li ġġieldu u dawk li mietu.