Illum jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji ddedikat għat-Turiżmu.
F’messaġġ fuq Facebook, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal kif atul is-snin kull Gvern ħadem flimkien mal-poplu tiegħu biex dan is-settur ikompli jikber u jibqa’ fost il-pilastri ewlenin tal-ekonomija Maltija.
Spjega kif wara d-daqqa tal-pandemija dan il-Gvern għen lin-nies, in-negozji u l-ħaddiema biex il-pajjiż jirkupra malajr, u din irnexxiet. Qal kif illum, ir-riżultati f’termini ta’ wasliet, nefqa u iljieli mqattgħin telgħu għall-aqwa ta’ kull żmien.
Fl-istess messaġġ hu tenna kif minkejja dan xorta rridu naħdmu iżjed għaliex ngħixu f’dinja kompetittiva għall-aħħar fejn il-pass li jmiss ser ikun li b’mod kollettiv naħdmu flimkien biex il-prodott lokali jkun wieħed awtentiku u verament ta’ kwalità fuq kull livell tal-ospitalità Maltija.
Temm billi qal li dan se naslu għalih billi nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni u fil-komunitajiet tagħna għax dan il-Gvern jemmen li l-ġid li joħloq it-turiżmu għandu jgawdi minnu kulħadd.