Il-Ħadd, il-Knisja Kattolika tat bidu għall-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li jwasslu għall-akbar festa, dik tal-Għid il-Kbir.
F’Ħadd il-Palm, l-Insara jfakkru d-daħla solenni ta’ Ġesù f’Ġerusalem, fejn in-nies l-ewwel faħħruh bħala s-sultan tagħhom u wara ftit taż-żmien ikkundannawh għall-mewt.
Waqt il-Pontifikal Solenni fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt, l-Arċisqof ta bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa biċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm, bit-tberik tal-friegħi taż-żebbuġ u l-palm, u wara bir-rakkont tal-Passjoni tal-Mulej.
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal li fil-ħajja tagħna Alla ma jabbanduna qatt.
Huwa semma lil dawk li għal xi raġuni tbegħdu minn Alla minħabba li jħossu li Alla abbandunahom. Il-Kap tal-Knisja Maltija staqsa liema huwa dak Alla li jġiegħel lil bniedem biex jobgħod tant.
Qal, “Illum, f’dan il-Ħadd tal-Palm u l-Ħadd tal-Passjoni tal-Mulej ma nistgħux ma niftakrux fil-vittmi ta’ tant vjolenza ta’ tant gwerer. Niftakru fil-mijiet ta’ vittmi tal-aggressjoni fl-Ukrajna, fil-mijiet ta’ vittmi fil-Palestina, l-art fejn għex Ġesù, u fl-ostaġġi Iżraeljani li mietu. Il-ħsieb tagħna jmur ukoll fil-vittmi innoċenti tal-attentat terroristiku ta’ Moska fil-jiem li għaddew, nies innoċenti li marru għal mument ta’ mistrieħ u divertiment u spiċċaw vittma ta’ vjolenza qarrieqa f’isem Alla?”