Bħal llum 219-il sena ilu, fit-tletin ta’ Diċembru 1797, iż-Żejtun sar Belt.
Iż-Żejtun infatti għandu t-titlu ta’ Città Beland, li kien mogħti minn Ferdinand von Hompesch zu Bolheim, Gran Mastru tal-Kavallieri ta’ Malta fl-1797. Beland kien kunjom ommu. Iż-Żejtun ħa ismu minn “żajtun” (żebbuġ bl-Għarbi). Hemm min jgħidlek li hu magħruf ukoll bħala Ħal-Bisbut jew Bisbut Casal.
Ftit storja
Fil-Medjuevu id-distrett kollu madwar iż-Żejtun, jiġifieri t-tarf tan-Nofsinhar ta’ Malta, kien magħruf bħala le Terre di Santa Caterina, (“l-artijiet ta’ Santa Katerina” bit-Taljan billi t-Taljan kien il-lingwa uffiċjali dak iż-żmien).
Matul dan il-perjodu, għadd ta’ rħula ġodda bħal Ħal-Għaxaq u Marsaxlokk ħarġu minn partijiet tal-Parroċċa taż-Żejtun. Fis-snin medjevali, iż-Żejtun kien imiss maż-Żurrieq billi Birżebbuġa kienet għadha parti miż-Żurrieq.
Ir-reġiment tal-milizzja lokali taż-Żejtun kien wieħed mill-ewwel li ġie wiċċ imb’wiċċ mal-forzi Ottomani fil-bidu tal-Assedju l-Kbir tal-1565, iżda l-belt kompliet issofri minn attakki mill-pirati Torok sal-1614, meta attakk mit-Torok kien megħlub mingħajr l-għajnuna tal-milizzji l-oħra.
Iż-Żejtun, wara li sar belt, kellu rwol minuri fil-Imblokk Franċiż tal-1799/1801 bħala kwartier għas-suldati. Kien wieħed mill-ewwel bliet, barra miż-żoni fortifikati prinċipali ta’ Malta, li kellha Ġnien Pubbliku. Dan il-ġnien, Ġnien Luqa Briffa, għadu hemm sa llum. Huwa msemmi għal suldat tal-kavallerija famuż ta’ matul l-Assedju l-Kbir ta’ Malta.
Taħt il-ħakma Ingliża tal-gżejjer Maltin, iż-Żejtun kien post kwiet u rurali, iżda kien hemm wieħed mill-ħafna sptarijiet għal suldati Ingliżi u Franċiżi feruti fil-Ewwel Gwerra Dinjija. Mill-Indipendenza ta’ Malta ‘l hawn iż-Żejtun kiber ħafna.
Illum, il-Kunsill Lokali taż-Żejtun qed organizza Kunċert tal-Milied biex jiċċelebra t-titlu Żejtuni ta’ Città Beland. It-tifkira simbolika tat-titlu se ssir f’Misraħ Karlu Diacono, iż-Żejtun, fis-7.00pm.
Il-programm tal-Kunċert se jinkludi mużika klassika u kanzunetti ferrieħa, filwaqt li fil-knisja membri tal-Grupp Letterarju taż-Żejtun se jkunu qed jaqraw poeżiji b’tema soċjali. It-tfal tal-Parroċċa se jiffurmaw presepju ħaj, li din is-sena waħda mill-figuri se tkun Santa Tereża ta’ Kalkutta.
Se jingħata rikonoxximent, permezz tat-Trofew Carlo Diacono, lill-aqwa żewġ bandisti tas-sena, miż-żewġ għaqdiet ewlenin fiż-Żejtun. It-tifkira simbolika tat-titlu se ssir f’Misraħ Karlu Diacono, iż-Żejtun, fis-7.00 p.m.