F’diskors fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela elenka l-ħidma ewlenija ta’ Gvern Laburista mmexxi minnu.
Dwar il-pandemija, il-Prim Ministru qal li waħda mid-deċiżjonijiet ewlenin kienet dwar l-ekonomija u l-impjiegi, hekk kif kien hemm prospetti li fost oħrajn f’pajjiżna kienu se jintilfu 50,000 impjieg.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “F’Ġunju bil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika x’rajna? Li l-qgħad reġa’ beda nieżel ġimgħa wara ġimgħa wara ġimgħa u llum fejn qegħdin? Inqas qgħad milli kellna f’Marzu li għadda. Dak is-suċċess li għamilna.”
Dan flimkien ma’ deċiżjonijiet kruċjali ta’ kuljum mil-lat ta’ saħħa biex tiġi salvagwardajta l-ħajja taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Lil hinn mill-pandemija, Dr Abela rrimarka wkoll kif il-programm ta’ ħidma tal-Gvern xorta baqa’ għaddej.
Aċċenna fost oħrajn għall-iffirmar ta’ ftehimiet kollettivi ġodda għall-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Protezzjoniji Ċivili. Dan b’differenza għall-Oppożizzjoni li talli pproteġew lill-pajjiżna pruvaw jitfgħu lis-suldati tal-Patrol Boat P52 għomorhom il-ħabs.
Il-Prim Ministru Abela sostna: “Ħaddieħor fil-bidu u fl-eqqel tal-pandemija għamel kwerela ffirmata minn dak li llum huwa Deputat Parlamentari u minn Deputat Parlamentari ieħor tal-Partit Nazzjonalista fejn pprova jixħethom il-ħabs u tafu għaliex? Għax ipproteġew lil pajjiżhom. Għaliex kienu huma frontliners li laqgħu għall-problema tal-immigrazzjoni.”
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru spjega kif fl-aħħar sena Malta kellha l-inqas wasliet ta’ immigranti irregolari grazzi wkoll għall-ħidma ta’ rilokazzjoni li wettaq il-Gvern fl-aħħar sena.
Il-Prim Ministru Abela mess ukoll mas-suġġett tal-vaċċin u l-innegozzjar tal-Budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin u kif il-Gvern qatt ma sab l-ispalla tal-Oppożizzjoni dwar dan.
Minkejja dan Dr Abela qal li dan qatt ma kien il-Gvern tal-iskużi.
Huwa tenna: “Aktar m’għandek suċċess ekonomiku inqas l-Ewropa se tallokalek fondi. Għidna aħna m’aħniex lesti li naċċettaw dan u bnejna argument wara argument u mhux biss ġibna daqs kemm ġabu fl-2012 imma ġibna aktar mid-doppju.”
Il-Prim Ministru spjega wkoll kif fl-aħħar sena Gvern Laburista daħħal ħemel ta’ riformi biex itejbu s-saltna tad-dritt f’pajjiżna u governanza t-tajba fosthom fil-qasam tal-ġudikatura u l-Korp tal-Pulizija.
Filwaqt li elenka l-ħemel ta’ bidliet li wettaq Gvern Laburista fl-aħħar sena, spjega kif ingħata wkoll l-importaza lill-futur ta’ pajjiżna.
Dwar dan il-Prim Ministru qal li fl-aħħar sena ġew approvati 190 proġett b’investiment ta’ €140 miljun.
Dr Abela saħaq: “Tafu kemm se joħolqu impjiegi ġodda? 1,900. L-investiment? €140 miljun. Għalhekk li nħares ‘il quddiem b’ottimiżmu u b’pożittività għax naf x’għamilna u naf x’għandna lest għal meta noħorġu mill-pandemija.”