Illum it-Tabib George Vella se jkun qiegħed jingħata l-ġurament tal-ħatra bħala l-10 President ta’ Malta.
Iċ-ċerimonja tibda fl-10.00 a.m. b’quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann kkonċelbrata mill-Arċisqof Charles. J. Scicluna.
Il-qofol taċ-ċerimonja jintlaħaq għall-ħabta tal-kwarta meta Dr Vella jingħata l-Ġurament tal-Kariga ta’ President ta’Malta. Hawnhekk jiffirma l-Ġurament tal-Kariga u l-Ispeaker Anġlu Farrugia jiffirma l-ġurament bħala konferma fis-Sala tal-Gran Kunsill tal-Palazz Presidenzjali.
Hawnhekk il-Forzi Armati jisparaw salut ta’ wieħed u għoxrin tir minn Triq Papa Piju V, fil-Belt Valletta.
Għall-ħabta ta’ 12.20 p.m. il-President l-Eċċellenza Tiegħu George Vella jindirizza l-mistednin distinti. Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-President Vella u l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca jsellmu lill-ġemgħa miġbura fi Pjazza San Ġorġ mill-gallarija tal-Palazz.
Għall-ħabta tas-1.20, il-President jixref mill-Palazz u jingħata s-salut nazzjonali għall-ewwel darba u wara jispezzjona l-Gwardja tal-Unur. Minhawnhekk jibqa’ sejjer fuq il-monument tal-Assedju l-Kbir fejn qiegħed kuruna fuq il-monument b’tislima għall-vittmi tal-gwerra.
Minhawnhekk jaqbad triqtu lejn il-Palazz ta’ San Anton fejn jiltaqa’ mal-istaff tal-uffiċċju tal-President u aktar tard ikollu laqgħat mal-Prim Ministru Joseph Muscat u martu s-Sinjura Michelle Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.