Illum fil-Parlament Malti se jittieħdu voti importanti fuq il-Budget li ressaq il-Gvern għas-sena d-dieħla u l-liġi mressqa mill-Gvern dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Il-Budget imressaq mill-Gvern għas-sena d-dieħla kien imfisser mill-imsieħba soċjali bħala wieħed soċjali u ambjentali b’diversi miżuri li jgħinu lill-familji, dawk vulnerabbli u anki b’inċentivi favur l-użu t’enerġija nadifa u xiri ta’ vetturi hybrid u elettriċi li jniġġsu inqas.
Fil-Budget fost oħrajn ingħatat żieda oħra lill-pensjonanti, lill-istudenti fl-istipendji u se titnaqqas it-taxxa fuq xogħol part-time u fuq l-over-time.
Miżura oħra importanti tal-Budget hija li ċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa issa se jitla’ għal €140.
Fuq il-Budget, il-Gvern kien qal li bih irid juri li din hi Malta li rridu għal uliedna filwaqt li l-Oppożizzjoni kritikat il-miżuri u Bernard Grech fisser dak imsemmi bħala ħela u tberbiq.
Fil-Parlament se jittieħed ukoll il-vot fuq il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis hekk kif proposta mill-Gvern.
Bil-liġi li mistennija tgħaddi, persuni li jikkonsmaw il-kannabis għal skop personali, u jinstab fuqhom sa seba’ grammi, ma ssirx prosekuzzjoni kontrihom.
Il-liġi tħares ukoll li min jixtri l-kannabis jirrikorri għal swieq legali u żżid il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.
Fuq din il-liġi l-Oppożizzjoni għamlet żmien bla pożizzjoni u meta ħareġ l-abbozz, Bernard Grech ried il-mertu u qal li l-Gvern ikkupjalu l-liġi.
Wara imbagħad kien kostrett iqatta’ biċċiet il-liġi għax dawk li poġġewh Kap hekk ġagħluh jagħmel.