L-Erbgħa fetħu n-nomini tal-kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu, bin-nomini jibqgħu miftuħin sa nhar il-Ħadd li ġej. F’dawn il-ħamest ijiem il-kandidati kollha approvati mill-partiti politiċi flimkien ma’ dawk indipendenti jridu jressqu isimhom.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista qal li eventwalment imbagħad jiskata l-proċess sabiex jiġu stampati l-poloz tal-vot li fuqhom il-poplu mistenni jimmarka l-verdett tiegħu.
Qal, “Propju jieħu ħamest ijiem hekk kif stipulat bil-liġi, wara dik il-ġurnata jkun hemm ġurnata fejn il-partiti jistgħu jdaħħlu objection day imbagħad il-Kummissjoni Elettorali tkun qed tieħu d-deċiżjonijiet tagħha. Minn hemm imbagħad nibqgħu sejrin sakemm il-Kummisssjoni Elettorali tagħmel id-draft ballot papers, jiġu kkonfermati u jiġu printjati.”
Louis Gatt fakkar li kull min mhux se jkun jista’ jivvota nhar is-Sibt 26 ta’ Marzu għandu jmur jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata sat-18 ta’ Marzu f’nofsinhar, biex ikun jista’ jivvota fil-votazzjoni bikrija.
Qal, “Jistgħu jagħmlu dan billi jmorru l-Kummissjoni Elettorali jagħmlu dikjarazzjoni ġuramentata li fis-26 se jkunu indisposti jew rikoverati fi sptar biex fis-19 ta’ Marzu jkun is-Sibt bejn id-09:00 u l-10:00 jkunu jistgħu jivvutaw it-tradefair grounds in-Naxxar jew ix-Xewkija Għawdex.”
Louis Gatt spjega li kull min għandu xi problema relatata mal-proċess elettorali għandu jċempel l-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.