It-Tlieta f’nofsinhar ngħata bidu għall-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Roderick Cassar, li hu mixli bil-qtil ta’ martu Bernice Cassar nhar it-Tlieta 22 ta’ Novembru.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, xehed l-Ispettur Wayne Camilleri, li qal li dakinhar ġie infurmat b’għadd ta’ rapporti li bdew deħlin għand il-Pulizija dwar mara li kienet sofriet minn tiri u li kienet tinsab bla ħajja fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, f’Raħal Ġdid.
Camilleri spjega li, x’ħin wasal fuq il-post, sab il-karozza tal-vittma biż-żewġ bibien tan-naħa tax-xufier miftuħa u b’ġisem il-vittma mixħut mal-art f’għadira demm biswit ir-rota ta’ wara tal-vettura.
Intqal ukoll kif it-tieqa tal-bieba tax-xufier kienet imkissra. Aktar tard ġie konkluż li possibbilment din tkissret bl-arma tal-aggressur iżda ma kienx hemm sinjal ta’ tiri lejha.
L-Ispettur Camilleri qal li, fuq il-post tar-reat, inġabru wkoll xi kollegi tal-vittma, li identifikaw il-ġisem bħala dak ta’ Bernice Cassar.
Dawn bdew jgħidu li aktarx seta’ kien hemm żewġha involut f’dak li kien ġara. Huma qalu li Roderick Cassar kien qiegħed jagħmlilha ħajjitha diffiċli u li kienu bdew il-proċeduri ta’ separazzjoni.
Fil-Qorti nstema’ kif l-ewwel indikazzjoni kienet li kien hemm inċident tat-traffiku li eskala f’argument, bl-aggressur li ħareġ mill-karozza, beda jgħajjat, weġġa’ fiżikament lill-vittma, mar għas-senter fil-karozza, u spara tliet tiri lejn il-vittma.
Kienu żewġ tiri li laqtu lill-vittma f’wiċċha u f’sidirha filwaqt li t-tielet balla nstabet mal-art waqt l-investigazzjonijiet.
L-Ispettur Camilleri qal ukoll li ftit tal-ħin wara li wasal fuq is-sit tad-delitt irċieva rapport mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li taqsimiet mis-sezzjoni tar-Rapid Intervention Unit kienu għaddejjin b’operazzjoni fil-Qrendi fejn joqgħod ir-raġel ta’ Bernice Cassar.
L-Ispettur Camilleri mbagħad qal li wasal il-Qrendi għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu fejn kien hemm ukoll tim mill-iSpecial Intervention Unit flimkien ma’ oħrajn tar-Rapid Intervention Unit.
Hemmhekk, ġiet assessjata s-sitwazzjoni u konsegwentament ingħalaq l-aċċess tat-triq għal pubbliku.
L-Ispettur Camilleri stqarr kif l-akbar preokkupazzjoni li kellhom il-Pulizija kienet jekk kienx hemm it-tfal tal-koppja fl-istess residenza mal-allegat qattiel.
Madanakollu, kien ikkomfermat li t-tfal kienu l-iskola u Roderick Cassar, li kien għadu fil-pussess tal-arma użata fl-omiċidju, kien jinsab id-dar waħdu.
Waqt il-ħafna telefonati li saru bejn il-Pulizija u Roderick Cassar, ġie nnotat li Cassar xtaq li jneħħi ħajtu bi jdejh, iżda beda jibża’ li ma jirnexxilux u għaldaqstant talab li l-Pulizija joqtluh minflok.
L-Ispettur Wayne Camilleri qal li din kienet ir-raġuni primarja għaliex il-ħidma tal-Pulizija ħadet daqshekk fit-tul.
Camilleri kompla jixhed li mbagħad ittieħdet id-deċiżjoni li jidħlu għas-suspettat, li kien fit-tieni sular tal-blokka.
Cassar ġie ordnat biex jikkopera mal-Pulizija. Huwa resaq bl-arma lejn il-bieb tar-residenza li kien imsakkar.
Wara Cassar ġie ordnat iniżżel l-arma mal-art, u wara nħareġ mill-appartment u ġie arrestat.
L-ispettur Wayne Camilleri, flimkien mal-Ispettur Shawn Pawney, li kien qed imexxi l-ħidma tal-Pulizija fil-Qrendi, telgħu fl-appartament fejn sabu l-arma tal-allegat qattiel bi skrataċ ħodor simili għal dawk li nstabu fuq ix-xena tad-delitt.
Cassar imbagħad intalab ibiddel il-ħwejjeġ li kien liebes biex isirulhom t-testijiet fuqhom, inkluż tad-DNA. Wara ġie eskortat lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza u aktar tard ittieħed lejn id-Depot tal-Pulizija.
Roderick Cassar ġie interrogat darbtejn fit-23 ta’ Novembru u l-għada għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, hekk kif waqt l-ewwel interrogazzjoni beda jgħid li kien għajjien u ried imur jorqod.
Huwa kien assistit mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri waqt l-interrogazzjonijiet.
Cassar ma wieġeb għall-ebda domanda iżda qal biss li ddispjaċih għal dak li kien ġara lil Bernice Cassar, mingħajr ma wera l-ebda emozzjoni.
Instema’ kif Roderick Cassar, iżda, beda jibki meta kien mistoqsi dwar uliedu.
Fis-seduta tat-Tlieta, l-avukat Franco Debono għamel kontroeżami fil-konfront tal-ispettur Wayne Camilleri.
Is-Surġent Miriam Lia, li kienet stazzjonata Raħal Ġdid, wuoll xehdet dwar kif, meta waslet, rat wiċċ il-vittma b’ferità kbira.
Hija kkonfermat li r-rapport inizjali għand il-Pulizija kien dak ta’ inċident tat-traffiku u argument.
Il-kumpilazzjoni tal-provi ġiet aġġornata bi tliet seduti, li se jsiru fl-14, dil-15 u fid-19 ta’ Diċembru.
Aktar Qabel
Illum bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Roderick Cassar, mixli bil-femiċidju ta’ martu Bernice Cassar.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ppreseda s-seduta tal-Qorti.
Bernice Cassar inqatlet bħal-lum ġimgħa filgħodu viċin l-MCAST f’Raħal Ġdid, b’żewġ tiri ta’ senter; wieħed f’wiċċha u l-ieħor f’sidirha.
L-allegat qattiel ġie arrestat l-Erbgħa kmieni filgħodu f’daru fil-Qrendi, wara operazzjoni twila mill-Ispecial Intervention Unit tal-Pulizija.
Roderick Cassar tressaq il-Qorti l-Ħamis u wieġeb mhux ħati għall-15-il akkuża li hemm fil-konfront tiegħu.
Fost l-akkużi hemm li seraq iċ-ċavetta tal-karozza u l-mobile tal-vittma.
Cassar qed jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.
13:17 – Il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli nhar id-19 ta’ Diċembru.
13:16 – Is-smigħ ġie aġġornat, filwaqt li l-Qorti appuntat lil Katya Vassallo biex tagħmel it-transcripts tad-DVDs li ġew esebiti.
13:14 – Meta kienet eżaminata minn Franco Debono, is-Surġent Lia kkomfermat l-informazzjoni tar-rapport li rrefera għal inċident tat-traffiku u argument. Debono temm il-kontro-eżami tiegħu.
13:12 – Spetturi u tim mediku waslu fuq il-post u Bernice Cassar kienet iċċertifikata li tilfet ħajjitha. Wara li ġew innotati r-rapporti ta’ vjolenza domestika mill-vittma, ġie stabbilit li Roderick Cassar kien l-allegat qattiel. Xi familjari u kollegi ta’ Bernice marru fuq il-post.
13:10 – Issa jmiss lis-Surġent tal-Pulizija Miriam Lia biex tixhed, hija kienet stazzjonatha Raħal Ġdid dakinhar tad-delitt. Wara r-rapport hija marret fuq il-post fejn sabet lill-vittma b’ferità kbira f’wiċċha u b’ħafna demm madwarha.
13:05 – Camilleri jkompli jelabora dwar kif xhud qal li Roderick Cassar ħareġ mingħajr l-arma f’idejh u kien meta eskalaw l-affarijiet li mar iġib l-arma mill-karozza.
13:00 – L-Ispettur qal li ma kienx hu li tkellem max-xhieda, meta mistoqsi. Huwa żied jgħid li d-distanza bejn l-aggressur u l-vittma ma kinitx kbira, għalkemm qal li ma jafx kemm kienet eżatt.
12:55 – Dwar il-bibien tal-karozza li kienu miftuħa, l-Ispettur wieġeb li dawn kienu t-tnejn tan-naħa tax-xufier. Il-ġisem ta’ Bernice Cassar instab mal-art qrib ir-rota ta’ wara tal-karozza. L-ispettur Camilleri qal ukoll li l-akkużat kisser it-tieqa possibilment bl-arma iżda ma sparax lejha.
12:50 – Debono staqsa dwar il-filmati tas-sigurtà. L-Ispettur iwieġeb li ntalbu filmati minn kumpanija li tinsab fil-qrib u kif persuna oħra ġibdet dak li ġara bil-mowbajl. L-Ispettur qal li l-ftit filmati juru l-argument u l-kommossjoni.
12:48 – L-avukat Franco Debono beda jagħmel il-kontro-eżami tax-xhieda, Debono staqsa min wasal fuq il-post l-ewwel mill-Pulizija, bl-Ispettur Camilleri jwieġeb li kien tim tal-RIU u żewġ kuntistabbli oħra.
12:45 – Diversi rapporti ta’ vjolenza domestika qegħdin ikunu ppreżentati. Il-Maġistrat staqsa għaliex Roderick Cassar qatt ma ġie arrestat qabel bl-Ispettur iwieġeb li ma jafx għaliex ma kienx involut fihom.
12:43 – Kollega ta’ Bernice għamlet rapport lill-Pulizija qabel ma’ seħħ l-omiċidju, fejn spjegat li Roderick kien ossessjonat li kien għadu f’relazzjoni ma’ Bernice. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-Qorti.
12:42 – Imbagħad Cassar tressaq il-Qorti fl-24 ta’ Novmbru. L-Ispettur Wayne Camilleri ppreżenta wkoll numru ta’ DVDs tal-interrogazzjonijiet.
12:40 – Madanakollu, meta kien mistoqsi dwar it-tfal tiegħu, Cassar beda jibki. Cassar xorta ma wera l-ebda emozzjoni meta kien muri ritratti ta’ Bernice u evita li jħares dirett lejn ir-ritratti.
12:39 – Cassar kien mistoqsi mistoqsijiet sempliċi dwar Bernice Cassar, iżda xorta waħda għażel li ma jweġibx lanqas il-mistoqsijiet marbuta mar-relazzjoni tiegħu mal-vittma.
12:38 – Huwa qal li kien għajjien u talab biex imur jorqod, għalhekk l-interogazzjoni kienet qasira biex seta’ jistrieħ. It-tieni interogazzjoni imbagħad saret l-għada fil-ħda x ta’ filgħodu, l-Ispettur Wayne Camilleri kien preżenti mal-ispettur Paul Camilleri.
12:37 – L-ewwel interogazzjoni saritlu fit-23 ta’ Novembru, fejn Cassar ma wieġeb l-ebda domanda, huwa qal biss li ddispjaċih għal dak li ġara lil Bernice Cassar iżda ma’ wera l-ebda emozzjoni.
12:36 – Qabel l-interrogazzjoni Cassar kien mgħarraf bid-drittijiet tiegħu u l-avukati Marion Camilleri u Franco Debono kienu preżenti għal kull interrogazzjonili saritlu. Huwa ngħata l-ħin kollu neċessarju biex jikkonsulta mal-avukati tiegħu qabel kull interrogazzjoni.
12:35 – Ħames xhieda għamlu t-test ta’ identifikazzjoni tal-aggressur, b’erba’ jidentifikaw lil Roderick Cassar u xhud qal li ma kienx ċert min minnhom kien. Cassar tpoġġa ma’ tmien persuni oħra lebsin bħalu.
12:35 – Minkejja li ma kien hemm ebda dubju dwar x’wassal għal mewt ta’ Bernice Cassar, it-tir f’wiċċha kien fatali mhux l-ewwel tir, li laqatha f’sidirha.
12:34 – Beppe Micallef-Trigona eżamina lil Cassar darbtejn filgħodu u kmieni waranofsinhar. Fiż-żewġ istanzi huwa kien iċċertifikat li kien f’qagħda ta’ saħħa tajba biex ikun interrogat. Dakinhar saret ukoll l-awtopsja fuq il-ġisem ta’ Bernice Cassar.
12:33 – Cassar kien mitlub biex ibiddel il-ħwejjeġ, ħalli l-ħwejjeġ tiegħu jkunu jistgħu jittieħdu għall-eżamijiet forensiċi, inkluż tad-DNA. Huwa kien eskortat b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei u wara ttieħed fid-Depot tal-Pulizija.
12:32 – Hekk kif Cassar ittieħed biex ikun eżaminat, l-ispetturi telgħu ġol-appartament u sabu s-senter bi skrataċ ħodor, simili għal dak li nstabu f’Raħal Ġdid.
12:31 – Kif waslu fit-tieni sular il-Pulizija sabu l-bieb tal-appartament tiegħu msakkar u b’hekk sparaw lejn il-bieb. Huma ordnaw lil Cassar biex jikkopera u dan resaq lejn il-bieb bl-arma f’idejh. Huwa ġie ordnat biex iniżżilha x’ħin kien maħruġ mill-appartament u ġie arrestat.
12:31 – Huma kienu jafu li s-susspettat biss kien hemm fil-blokka u terza persuna tagħthom l-aċċess għal komun tal-binja, il-Pulizija kienu jafu li s-suspettat kien jinsab fit-tieni sular.
12:30 – Cassar baqa’ jinsisti li ma xtaqx li jmur il-ħabs u ried lill-Pulizija jmorru l’hemm. Il-Pulizija imbagħad iddeċidiet li timmobilizza ruħha u kien hemmhekk meta daħlu xi uffiċjali tal-iSpecial Intervention Unit.
12:29 – Camilleri beda jispjega għaliex il-ħidma tal-Pulizija ħadet daqshekk fit-tul. Huwa qal kif kien hemm ħafna telefonati bejn l-allegat qattiel u l-Pulizija. Huwa kkomferma li l-arma kienet għadha fil-pussess tiegħu u li ma kien hemm ħadd aktar fid-dar miegħu. Dan fisser li l-Pulizija setgħu jieħdu l-ħin tagħhom. Roderick Cassar beda jgħid ukoll li xtaq ineħħi ħajtu b’idejh iżda kien imbeżża’ li jagħmel dan u xtaq lill-Pulizija li joqtluh minflok.
12:27 – Imbagħad waslet informazzjoni għand il-Pulizija li t-tfal kienu qegħdin l-iskola, dan minħabba li din kienet l-akbar preokkupazzjoni li kellhom il-Pulizija.
12:26 – Huwa qal kif malli wasal sab diversi taqsimiet tal-RIU u tim mill-SIU. Hemmhekk, assessjaw is-sitwazzjoni u għalqu l-aċċess tat-triq għal pubbliku. Dak il-ħin kien hemm suspett kbir li Roderick Cassar seta’ kien fir-residenza tiegħu.
12:24 – L-Ispettur Wayne Camilleri qal li hemm beda jaħdem mal-Ispettur Shawn Pawney, Camilleri imbagħad wasal il-Qrendi biex jgħin fil-ħidma għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu.
12:24 – L-Ispettur qal li kien ilu biss nofs siegħa fuq il-post sakemm daħallu rapport mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li diversi taqsimiet tal-RIU kienu għaddejjin b’operazzjoni fil-Qrendi fejn jgħix is-susspettat qattiel. Hemmhekk, kien hemm il-karozza ta’ Roderick Cassar stess.
12:23 – Il-Pulizija aktar tard ikkomfermaw li kien hemm tliet tiri sparati, bit-tielet balla li ma laqtitx lil Bernice Cassar, tinstab mal-art.
12:21 – L-Ispettur Camilleri kompla jixhed li l-ewwel indikazzjonijiet kienu li dan kien inċident tat-traffiku li eskala f’argument, minħabba li kien hemm karozza oħra fil-qrib. L-impressjoni minn dawk li raw l-inċident kienet li l-aggressur ħareġ mill-karozza, beda jgħajjat, weġġa’ fiżikament lill-vittma, qabad is-senter, u sparalha tliet tiri, bil-konsegwenza li laqatha darbtejn.
12:19 – Il-kollegi ta’ Bernice qalu li kienu ċerti li kienet hi mixħuta mal-art. Dak il-ħin huma qalu li seta’ kien hemm żewġha involut. Dan għaliex huma kienu bdew il-proċeduri ta’ separazzjoni u li kellhom ħafna argumenti. Huma żiedu jgħidu kif Roderick Cassar kien qed jagħmilha ħajjitha diffiċli u li t-tnejn ma kinux qed jgħixu flimkien.
12:17 – L-Ispettur xehed kif grupp ta’ persuni li bdew jgħidu li huma kollegi tal-vittma li aktar tard kienet identifikata bħala Bernice Cassar. Il-kollegi tagħha għarfuha
12:15 – Huwa żied jgħid kif żewġ bibien tal-karozza kienu miftuħin u t-tieqa tax-xufier kienet imkissra kompletament. Camilleri qal li l-ġisem deher mal-ewwel li kien sofra minn tiri, dan il-fatt kien ikkomfermat meta huwa resaq lejn il-katavru.
12:14 – Camilleri xehed li mar fuq is-sit immedjatament u wasal għall-ħabta tat-tmienja u kwart ta’ filgħodu. Hemmhekk, sab it-triq magħluqa għat-traffiku mill-Pulizija stess u seta’ jinnota karozza bajda f’nofs it-triq, b’ġisem biswit tagħha b’ħafna demm madwaru.
12:12 – Huwa spjega li nhar it-Tlieta 22 ta’ Novembru Camilleri rċieva telefonata dwar ammont ta’ telefonati li bdew isiru fil-control room tal-Pulizija dwar mara li sofriet minn tiri u li kienet bla ħajja fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin, Raħal Ġdid.
12:10 – L-ispettur Wayne Camilleri se jkun l-ewwel xhud għal din is-seduta.
12:02 – L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri għan-nom tal-imputat jaslu fl-awla, filwaqt li l-Avukati Angele Vella u Anthony Vella qegħdin jidhru f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-ispettur Wayne Camilleri qiegħed jinsab preżenti f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija.
11:58 – Fi ftit tal-ħin ieħor mistennija li tibda s-seduta.