Illum wara nofsinhar il-Kummissarju nominat Maltija Helena Dalli għandha smigħ ta’ madwar tliet sigħat bħala parti minn proċess ta’ skrutinju iebes biex tilħaq Kummissarju Ewropew.
Helena Dalli ġiet proposta biex tkun il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, portafoll li ngħata mill-President tal-Kummissjoni Ewropea eletta Ursula Von der Leyen.
Dan kien intlaqa’ ferm tajjeb minn għaqdiet internazzjonali li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza hekk kif Dr. Dalli ħadmet qatigħ dwar l-ugwaljanza f’Malta.
Helena Dalli mistennija tidher quddiem kumitat ta’ grupp ta’ Membri Parlamentari Ewropej fis-2:30 waranofsinhar.
Fil-bidu ta’ dak magħruf bħala ‘grilling’, Helena Dalli mistennija tagħmel introduzzjoni ta’ kwarta biex imbagħad ikun imiss lill-Membri Parlamentari Ewropej biex jsaqsu xejn inqas minn 25 mistoqsija, b’domandi supplimentari oħra li jgħinuhom jifhmu l-programm ta’ ħidma li għandha f’moħħha l-Kummissarju nominat u l-kredenzjali tagħha.
Hu mifhum li fl-aħħar ġimgħat Helena Dalli ħejjiet ruħha għal dan l-eżami tant importanti li jista’ jwassalha biex ikollha rwol prinċipali f’istituzzjoni eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea.