Matul l-aħħar tliet snin li ilu jingħata s-servizz ta’ IVF b’xejn f’Mater Dei, kien hemm żewġ każijiet fejn minħabba ċirkostanzi partikolari embrijuni kellhom jiġu ffriżati.
Fil-fatt il-liġi kif inhi llum diġà tippermetti ffriżar tal-embrujini. Saħansitra f’każ minnhom kompla l-proċess sħiħ fejn embrijuni ffriżati eventwalment tneħħew mill-friża u ġew impjantati fl-omm oriġinali.
Fl-ewwel każ kienu ġew iffertilizzati u wara ffriżati żewġ embrijuni, filwaqt li fit-tieni każ ġew iffriżati tliet embrijuni.
L-ewwel każ kien seħħ f’Ottubru 2016. Dawn l-embrijuni wara madwar sena u nofs iffriżati kienu vijabli biex jitpoġġew fl-omm. Dan il-proċess sar ftit tal-ġranet ilu.
It-tieni każ fejn kellhom jiġu ffriżati embrijuni seħħ fi Frar ta’ din is-sena. Dawn l-embrijuni għadhom qed jinżammu ffriżati.
Din il-ġimgħa, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ressaq emendi għall-liġi eżistenti tal-IVF, fejn fost oħrajn se jkun permess li jsir ffriżar tal-embrijuni sakemm il-ġenitur prospettiv jaqbel li jekk l-embrijuni ma jużahomx dawn jingħataw għall-addozzjoni.
Il-liġi preżenti wkoll diġa tipprovdi li jekk ikun hemm ċirkostanzi partikolari embrijuni jistgħu jiġu ffriżati.
Dak li qiegħed isir sal-lum u li se jkun qiegħed isir meta jgħaddu mill-Parlament il-proposti mressqa din il-ġimgħa, qiegħed dejjem isir biex tibqa’ tingħata d-dinjita sħiħa lil kull embrijun u l-possibilta li kull embrijun jiżviluppa f’ħajja ġdida.