Illum l-Awtorità tal-Ippjanar se tiddeċiedi fuq xogħol f’Bormla li huwa parti mill-proġett tal-American University of Malta.
Issa li r-restawr il-Baċir Numru Wieħed huwa avvanzat ferm, l-investituri tal-American University of Malta se jkunu qed ifittxu permess għall-estensjoni ta’ sular f’Baċir Numru Wieħed, b’mod li jikkumplimenta l-post u jkompli jsebbaħ dak li qed isir wieħed mill-iktar postijiet attraenti fil-Kottonera.
Fil-pass li jmiss, hemm ukoll it-tneħħija ta’ ammonti kbar ta’ asbestos li kien komuni ħafna f’postijiet li kienu jintużaw bħala Tarzna u li huwa ta’ periklu kbir għas-saħħa.
Il-proġett qed jgħin bil-kbir fir-riġenerazzjoni tal-post tant li d-Direttorat tal-Ippjanar qed jipproponi li jkun approvat. Jekk tasal l-approvazzjoni llum, l-investituri jkunu għamlu pass ieħor fi proċess dettaljat u delikat li se jwassal biex jinvestu miljuni kbar ta’ ewro, bil-għan li jġibu lejn Malta eluf ta’ studenti biex jistudjaw fuq livell terzjarju.
Il-prospett tal-Università Amerikana f’Malta diġa qed iħalli effett fin-nofsinher tal-pajjiż, innotat mill-mod li bih qed tkun irriklamata l-propjetà.