Illum daħlu l-istudenti tal-Kinder I fl-iskejjel tal-istat biex b’hekk issa b’kollox hawn 36,000 student u studenta fuq il-bankijiet tal-iskola jkomplu bl-iżvilupp edukattiv tagħhom.
Din is-sena hemm 5,981 li qed jattendu l-klassijiet tal-Kindergarten, 15,827 fil-klassijiet tal-iskejjel primarji, 12,143 fis-sekondarji u 1,987 post-sekondarji.
In-numru ta’ studenti fil-klassijiet tal-iskejjel primarji huwa wieħed ogħla minn snin oħrajn għaliex kien hemm ħafna aktar reġistrazzjonijiet ta’ studenti għal dawn il-klassijiet.
L-istudenti huma mqassma f’106 skejjel u ċentri edukattivi, b’total ta’ 7,071 bejn Kapijiet ta’ skejjel, edukaturi, LSEs, KGEs u ħaddiema amministrattivi li qed jieħdu ħsieb lil dawn l-istudenti.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Edukazzzjoni Justyne Caruana qalet li bil-protokolli kollha maħruġin mill-Awtoritajiet tas-Saħħa f’posthom u bl-iskejjel kollha ċertifikati minn assessuri li raw li kull skola għandha dak kollu li huwa mitlub minn dawn il-protokolli, qed naraw id-determinazzjoni u l-impenn tal-edukaturi biex it-tfal tagħna jkomplu jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fejn l-aħjar li jistgħu jieħduha, fl-iskejjel tagħna.
Minn dan ix-xahar ukoll, daħlet fis-seħħ ir-riforma fil-Liġi tal-Edukazzjoni li taħseb għal titjib fuq il-liġi preċedenti u wkoll iddaħħal kunċetti ġodda li kollha għandhom għan aħħari, jiġifieri t-tisħiħ tal-edukazzjoni li tingħata lit-tfal.