Illum tibda is-Sena Ċiniża, magħrufa wkoll bħala l-Festival tar-Rebbiegħa fejn din is-sena din hija ddedikata lis-serp.
Dan il-festival vibranti huwa ċċelebrat mhux biss fiċ-Ċina iżda f’diversi pajjiżi Ażjatiċi tal-Lvant fejn idum ħmistax-il ġurnata u jilħaq il-qofol tiegħu bil-Festival tal-Lanterni.
Tradizzjonalment il-ġranet ta’ qabel dan il-jum jinvolvu ħafna preparamenti simboliċi. Il-familji jnaddfu d-djar tagħhom b’mod estensiv hekk kif ineħħu t-trab kollu tas-sena preċedenti u l-enerġija negattiva sabiex jilqgħu l-fortuna ġdida. Id-djar jiġu dekorati b’lanterni ħomor, figuri tal-karti u ornamenti festivi oħra li jissimbolizzaw prosperità.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet iżda huma l-ikla ta’ lejliet, bil-familji jiltaqgħu flimkien għall-pranzu mimli simboliżmu. Platti tal-ħut li jissimbolizza l-abbundanza u dumplings li jissimbolizzaw biċċiet tal-fidda Ċiniżi antiki, huma komuni fuq il-mejda. Iżda l-familji jiltaqgħu mhux biss biex jieklu iżda biex jaqsmu flimkien stejjer u aspirazzjonijiet għas-sena l-ġdida.
Tradizzjoni oħra hija dik li jitqassmu envelopes ħomor bil-flus hekk kif din għandha sinifikat li ġġib ir-riżq tajjeb. Meta jitqassmu dan l-envelopes filfatt tingħad il-frażi “Jalla s-Sena tas-Serp iġġib magħha l-għerf, saħħa u ħajja mill-aqwa u x-xewqat li se tesprimi llejla jiġu fis-seħħ matul is-sena”.
Iżda ċ-ċelebrazzjonijiet mhumiex biss limitati għar-ritwali fid-djar iżda jestendu għal dawk vibranti fil-pubbliku. Parati ikkuluriti bi żfin bid-draguni u l-iljuni jgħaqqdu l-komunitajiet flimkien. Jintuża wkoll ħafna logħob tan-nar biex jinxtegħlu s-smewwiet u jiġu mkeċċija l-ispirti ħżiena filwaqt li jilqgħu s-sena lunari ġdida b’ħafna ferħ.
Huwa wkoll żmien ta’ riflessjoni u tifkiriet, fejn il-familji jonoraw l-antennati tagħhom b’offerti u ritwali sabiex jassiguraw li dawn ikunu wkoll inklużi fil-festivitajiet u jatuhom l-barka.
Filwaqt li s-Sena tas-Serp tissimbolizza għerf, riżorsi u bidla, tfakkar ukoll lil kulħadd sabiex jilqa’ opportunitajiet ġodda.
Iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sena Ċiniża Ġdida, jagħlqu billi l-familji jipparteċipaw fil-Festival tal-Lanterni fejn lanterni ta’ kull daqs u għamla,li jissimbolizzaw id-dawl u t-tama, jittajru flimkien.