Il-Qorti llum iddeċidiet fil-każ ta’ Mary Sultana ta’ 58 sena mill-Qala, akkużata li f’Awwissu tal-2013 laqtet u tajret lil ċertu Gabrielle Helga Whitehouse u kkaġunatilha ġrieħi gravi, f’każ li seħħ fix-Xewkija.
Hija tressqet il-Qorti akkużata mill-ispettur tal-Pulizija Bernard Charles Spiteri bi traskuraġni jew nuqqas ta’ ħila fis-sewqan, b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regoli tat-traffiku, b’veloċità eċċessiva.
Il-Qorti stabbilixxiet li Gabrielle Helga Whitehouse, li ttajret, kellha problema tal-alkoħol u qabel seħħ l-inċident kienet ikkunsmat ammont sostanzjali ta’ alkoħol, tant li kienu mnaqqsa b’mod drastiku r-riflessi tagħha. Mhux talli kienet f’dan l-istat, talli kellha żewġt’iklieb magħha li kienu qegħdin jiġbduha.
Il-mara li ttajret kienet qiegħda fi triq prinċipali fl-inħawi ta’ fejn hemm l-Università, triq fejn jgħaddu biss żewġ karozzi, waħda kull naħa. Hija kinitx qed taqsam minn fejn hemm il-lights li kienu għoxrin metru ’l bogħod.
Il-Qorti nnotat li ghalkemm għandha dritt li tkun fil-karreġġjata biex taqsam, għandha wkoll id-dover li juza prudenza biex taqsam b’mod responsabbli. Il-Qorti rreferiet għar-responsabbiltà li kellha l-mara li kienet qed taqsam, u l-Maġistrat Joseph Mifsud spjega li l-Highway Code huwa ċar f’dan li għandu jobdi pedestrian.
Il-Qorti kkonkludiet li l-unika kawża tal-inċident kienet Gabrielle Helga Whitehouse, li taħt l-effett tal-alkoħol, bil-klieb jiġbduha, qabdet qasmet it-triq mingħajr ma rat min kien ġej. “Żgur illi li kieku verament kien hemm xi traskuraġni, sewqan negliġenti jew perikoluż min-naħa tal-imputata, kieku l-konsegwenzi ta’ dan l-inċident kienu jkunu ħafna u ħafna agħar” tenna l-Maġistrat, filwaqt li qal li ma jirrizultax li l-imputata saqet il-vettura b’veloċità eċċessiva kif kienet akkużata.
Għalhekk l-Għawdxija ġiet illiberata minn dawn l-akkużi.