Eleanor Tracy Agius inħelset mill-akkużi ta’ konfoffa f’każ ta’ traffikar ta’ kilo kokaina, wara li l-Qorti ddeċidiet li m’hemmx provi konkreti kontriha.
Wara li nqabdet f’filmat tas-sigurtà lura fl-elfejn u sebgħa tirċievi pakkett minn żewġha, il-mara kienet akkużata b’pussess u traffikar ta’ droga, kif ukoll ħasil ta’ flus.
Tfittxija fid-dar tal-koppja l-għada ta’ missjoni ta’ sorveljanza, irriżultat fis-sejba ta’ iktar minn kilo ta’ kokaina, kif ukoll wieħed u tletin elf lira Maltin.
Żewġha, Stiano Agius, kien ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh, u fl-elfejn u ħmistax ingħata sentenza ta’ ħdax-il sena ħabs u multa ta’ tletin elf ewro.
Jidher li dakinhar li seħħ il-każ, il-mara rċiviet telefonata minn żewġha, u ħarġet barra d-dar biex irċiviet envelop kbir kannella, li żewġha qallha biex titfgħu fil-kexxun tiegħu.
Ħaġa li għamlet mingħajr mistoqsijiet, anke għaliex kienu mdorrijin jirċievu pakketti mdaqqsa ta’ ħwejjeġ ta’ daqs kbir – 6XL – għal żewġha.
Il-Qorti nnutat il-kondotta nadifa tal-mara, li għandha xogħol stabbli full-time, u li f’isimha ħadet loan għad-dar matrimonjali u fuqha huma rreġistrati ż-żewġ karozzi tal-koppja.
Barra minn hekk irriżulta li l-mara kkoperat mal-investigaturi, u żewġha kien iddikjara li dwar id-droga ma kien qal lil ħadd.
Il-mara ċaħdet l-akkużi miġjuba kontriha, u ngħatat il-ħelsien mill-arrest, anke fid-dawl li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li l-mara kienet konxja tal-aġir illegali ta’ żewġha. Deher għaliha l-avukat Franco Debono.