Nunzio Quartarone, Sqalli li għandu 53 sena u li m’għandux residenza fissa f’Malta, ammetta li seraq arloġġ minn binja fil-Marsa u li rrifjuta li jagħti informazzjoni dwaru lil uffiċjal pubbliku filwaqt li jgħix ħajja ta’ għażż.
Fil-Qorti ġie spjegat li fit-22 ta’ Ġunju, il-Pulizija rċeviet rapport rigward serqa. Il-persuna li rrapportat stqarret mal-Pulizija li l-akkużat seraq arloġġ dekorattiv li jiswa madwar €50.
Meta s-sid induna li l-arloġġ ġie nieqes, iċċekkja l-filmati tas-sigurtá u għaddihom lill-Pulizija.
Kienet il-Pulizija tal-Komunità li identifikat lill-akkużat fil-filmati tas-sigurtà, għax kemm-il darba kien ġie nnotat jitlajja fil-Marsa.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat m’għandu l-ebda flus sabiex iħallas għall-arloġġ li seraq iżda hija x-xewqa tal-akkużat li jiġi ripatrijat lejn Sqallija.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet, il-Qorti ddeċidiet li tilliberah bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena.