Il-Qorti lliberat lil John Camilleri minn akkużi ta’ kompliċità f’każ ta’ importazzjoni tad-droga; wara li kkunsidrat li minkejja li kienet tinsab moralment konvinta li l-akkużat kien involut fil-pjan kollu, inkisirlu wieħed mid-drittijiet fundamentali tiegħu; u kien hemm nuqqas ta’ provi.
Il-każ imur lura għal Diċembru tas-sena 2001 meta l-Pulizija ġew mgħarrfa li kienu qed isiru arranġamenti biex bil-kompliċità ta’ persuni fil-ħabs, jiddaħħal f’Malta ammont kbir ta’ droga mill-Olanda.
Mill-investigazzjonijiet kien irriżulta li Leli l-bully beda jikkomunika mill-ħabs ma’ persuni fl-Olanda biex jimporta d-droga. Huwa kien f’kuntatt ma’ persuna oħra f’Malta biex isir it-trasferiment ta’ flus b’rabta ma’ dan it-traffikar. John Camilleri kien arrestat mill-pulizija wara li ġie stabbilit li kien f’kuntatt ma’ ħuh sabiex jittrasferixxi ammont kbir ta’ flus lil kumplament tal-grupp.
L-avukat ta’ Camilleri argumenta li l-ewwel dikjarazzjoni ta’ Camilleri li kienet saret mingħajr il-preżenza ta’ avukat għandha titneħħa. Kien hawn meta l-avukat preżenta diversi sentenzi tal-qorti Ewropea li wrew li dan kien illegali. Minkejja l-oġġezzjoni tal-pulizija, il-Maġistrat laqa’ t-talba tad-difiża. Madankollu numru ta’ telefonati li ġew interċettati mill-pulizija ntużaw waqt ix-xhieda hekk kif dawn kienu ġew approvati minn mandat iffirmat mill-Ministru ta’ dak iż-żmien.
Telefonati li juru numru ta’ konverżazzjonijiet tal-akkużat ma Raymond Borg mgħaruf bħala l-borża, Charles Muscat mgħaruf bħala l-pips, u Mario Camilleri l-Imniehru. Dak iż-żmien tat-telefonati l-Pips u l-imnieħru kienu jinsabu fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin. Minkejja dan, il-qorti ma sabet l-ebda rabta konkreta fil-każ tal-importazzjoni tad-droga.