Wara li b’sentenza tal-Qorti tal-Magistrati numru ta’ akkużati ġew misjuba ħatja ta’ diversi reati in konnessjoni ma’ żbark u kutrabandu ta’ sigaretti u mibgħuta għal tliet snin prigunerija apparti ħlas ta’ multi ta’ madwar nofs miljun ewro, l-istess persuni llum inħelsu mill-akkużi kollha migjuba fil-konfront tagħhom, b’sentenza tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
L-apellanti, fosthom Shannon Cauchi ta’ 28 sena mill-Ħamrun, argumentaw li l-prosekuzzjoni ma ġabitx l-aħjar prova dwar il-kontenut tal-kaxxi ssekwestrati meta kull ma ġew prodotti fil-Qorti huma ritratti ta’ kaxxi magħluqin, u li għalhekk ma seta’ qatt jirriżulta r-reat ġaladarba ma ġiex ipprovat sal-grad tal-prova rikjesta fil-Qrati Kriminali – jiġifieri dik lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni, x’kienu effettivament jikkonjeni l-istess kaxxi.
Il-Qorti tal-Appell, fis-sentenza dettaljata tagħha, elenkat in-nuqqasijiet tal-prosekuzzjoni matul dan il-proċess, u spjegat li għalkemm il-Qorti tista’ tippresumi x’kienhemm fil-kaxxi, il-preżunzjonijiet m’għandhomx post fil-proċedura kriminali, u li l-oneru tal-prova huwa dejjem fuq il-prosekuzzjoni li għandha tipproduċi l-provi kollha, li abbażi tagħhom imbagħad il-Qorti trid tasal għall-konkluzżoni tagħha.
F’dan is-sens, il-Qorti filwaqt li għamlet diversi konsiderazzjonijiet legali dwar uħud mix-xhieda li xehdu f’din il-kawza, irrimarkat illi ma tistax tkun hija li tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet fil-provi, u ġaladarba l-kontenut tal-kaxxi ma ġie pprovat qatt, la b’ritratti, u wisq anqas billi tqabbad espert sabiex jeżamina l-kontenut tal-kaxxi, il-Qorti tal-Appell ma setgħetx ħlief tillibera lill-imputat mill-kull imputazzjoni u ħtija.
Għall-appellant Shannon Cauchi dehru l-avukati Veronique Dalli u Dean Hili.