Raġel ta’ disgħa u għoxrin sena ma nstabx ħati ta’ serq, wara li kien mixli li sentejn ilu seraq il-vann ta’ missieru.
Fl-elfejn u dsatax missier l-imputat irrapporta fl-għassa taż-Żejtun li xi ħadd seraqlu l-vann, u meta l-Pulizija segwiet il-vann permezz tal-GPS, instab li dan kien qed jinstaq minn ibnu.
L-imputat ammetta li għamel dan mingħajr il-kunsens ta’ missieru, u stqarr li ħadu wara li kien waqaf il-vann tiegħu u ried jgħabbi xi għodda.
Fil-każ, il-missier ma tax ix-xhieda tiegħu, u rriżulta li l-missier kien waqqaf lil ibnu milli jaħdem miegħu.
Intqal ukoll kif li kieku l-imputat ried jisraq il-vann, kien jitfi s-sistema ta’ GPS li kien waħħal huwa stess.