Raġel ġie lliberat minn akkużi li rċieva żewġ settijiet tat-televiżjoni li kienu misruqa lura fl-2013, wara li l-Qorti qalet li ma setax ikollu ħjiel li l-oġġetti kienu misruqa.
Jidher li dawn insterqu fil-Milied tal-2012 minn ħanut f’Raħal Ġdid, u flimkien jiswew elfejn ewro. Jidher ukoll li xhur wara l-Pulizija rċeviet informazzjoni li dawn kienu għand ċertu Pierre Cremona, u dawn fil-fatt instabu fid-dar ta’ missieru. Fl-interrogazzjoni Cremona qal li kien xtara s-settijiet għal elf u erba’ mitt ewo mingħand Grazio Calleja bħala parti minn ftehim dwar xi dejn, iżda Calleja ċaħad dan kollu għall-ewwel. Eventwalment fil-Qorti Calleja qal li dak iż-żmien kien fuq mediċina u ċaħad kollox għaliex beża’ li jmur il-ħabs.
Il-Qorti nnotat li l-akkużat ta spjega ċara ta’ minn fejn kiseb is-settijiet, u radd kollox lis-sid.