Malti ta’ tmienja u għoxrin sena ma nstabx ħati li seraq elfejn ewro fi flus, u laptop mingħand Pollakka għaliex din tal-aħħar ma nstabitx mill-Pulizija u għaldaqstant ma setgħetx titla’ tixhed fil-Qorti.
Il-każ imur lura għall-elfejn u tmienja meta Charlton Fenech kien akkużat li daħal fl-appartament ta’ Kinda Naria Bachlaj u seraq flus kontanti u laptop. F’ rapport li din għamlet lill-Pulizija qalet li kienet tgħix hemmhekk ma’ Bulgara li kienet f’relazzjoni mal-akkużat, u weħlet fihom, għaliex ma sabitx l-affarijiet personali tagħhom meta sabet il-flus u l-laptop nieqsa.
Minn dak iż-żmien l-allegata vittma ma tellgħetx tixhed fil-Qorti għaliex bidlet l-indirizz u n-numru tal-mobile u għaldaqstant il-Pulizija ma setgħux jikkuntattjawha. Mhux qed ikun eskluż li qed tuża isem differenti biex taħrab minn dan il-każ.
Minħabba nuqqas ta’ provi kontrih, Charlton Fenech ħareġ illiberat.