Raġel ta’ 32 sena li kien qed jaffaċċja akkużi li abbuża sesswalment tifla diżabbli taħt l-età li tħalliet fil-kustodja tiegħu, ġie lliberat minħabba li l-Qorti ma sabitx biżżejjed provi kontrih.
Il-każ seħħ madwar sentejn u nofs ilu meta t-tifla, li għandha l-kundizzjoni tad-Down Syndrome, u li llum għandha 10 snin, qalet lill-LSAs tagħha l-iskola li kienet qed tħoss l-uġiegħ fil-parti intima tagħha wara li r-raġel li kien qed jieħu ħsiebha daħħlilha xabla hemmhekk.
L-iskola ħadet il-każ għand l-Aġenżija Appoġġ, li għaddietu lill-Vice Squad, u nfetħet inkjesta maġisterjali.
Intant, il-Qorti tal-Appell qalet li l-Qorti tal-Maġistrati sabet diffikultà kbira waqt ix-xhieda tal-minuri, li saret b’vidjo, tant, li d-difiża talbet biex psikjatra tat-tfal jgħin lill-psikologa tat-tifla. Rapport li sar mill-esperti, Dr Jean Pierre Giorgio u Dr Joseph Cassar, jgħid li t-tifla għandha diffikultajiet biex tikkomunika u fl-attenzjoni, u dawn joħolqu problema biex wieħed jipprova jfiehem lit-tifla. Irriżulta wkoll li l-allegat vittma ma kinitx konsistenti fit-tweġibiet tagħha.
Il-Qorti tal-Appell ċaħdet iż-żewġ aggravji tal-Avukat Ġenerali, li l-minuri kienet taf id-differenza bejn il-verità u l-gideb meta xehdet, u li kien hemm biżżejjed provi biex l-imputat jinstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti ordnat ukoll divjett fuq l-ismijiet tal-minuri u ta’ommha, tal-imputat, u l-isem tal-iskola tal-minuri fi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni
Dan filwaqt li kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li r-raġel għandu jiġi lliberat mill-akkużi.