Ġest nobbli minn omm u bint għal trabi li jkunu twieldu mejta dan hekk kif fil-ħin liberu tagħhom ħietu 16-il libsa għal trabi li twieldu mejta u jidfnuhom biha. Dan il-ġest nobbli ta’ din l-omm Hilda Camilleri u bintha Nadia Caruana ser joffru ftit ta’ wens lil dawk il-ġenituri li jkunu għadhom kif tilfu t-tarbija tagħhom.
Apparti lbiesi tat-trabi (kemm bniet u anke subien) li twieldu mejta, dawn in-nisa ħasbu wkoll f’dawk in-nisa’ li tilfu lit-tarbija tagħhom fi stadju bikri ħafna tat-tqala. Għal dan il-għan, ħietu 29 “envelope” fejn il-ħaddiema tal-isptar jużawhom ħalli jpoġġu xi affarijiet tat-trabi b’tifkira għall-ġenituri.
Dan il-ġest nobbli ta’ dawn in-nisa’ huwa mifrux ukoll ma’ trabi li jinsabu rikoverati fl-Taqsima tal-Kura Intensiva tat-Trabi fejn ħadmu s-suf u kkreajaw ġugarell f’forma ta’ qarnita sabiex dawn jingħataw lil-istess trabi.
Dawn huma fost uħud mill-inizjattivi tal-għaqda mhux governattiva DRESS AN ANGEL. Din l-NGO hija magħmula minn tmien nisa li jafu jħitu u jaħdmu s-suf. Tul dawn l-aħħar sentejn huma ħietu numru konsiderevoli ta’ lbiesi u ‘pockets’ u tawhom sabiex jintużaw fl-Isptar Mater Dei. L-ilbiesi tat-trabi huma meħjuta minn ilbiesi tat-tieġ li jkunu ingħataw bħala donazzjoni lill-istess NGO. F’Novembru li għadda, intużaw 80 pocket sabiex indifnu b’mod kollettiv trabi ta’ inqas minn sittax-il ġimgħa li korrew. L-għan ewlieni wara din l-inizjattiva sabiex jagħtu wens lill-ġenituri.
Minkejja li bħalissa l-istess għaqda għandhom numru konsiderevoli ta’ lbiesi tat-tieġ li mill-istess materjal jipproduċu dawn l-ilbiesi għat-trabi, l-istess għaqda qed tappella ghal aktar voluntiera li jafu jħitu u jaħdmu s-suf. Dan bil-għan li jkun hemm aktar inizjattivi ta’ din ix-xorta li jservu ta’ appoġġ għall- familji li jkunu għaddejjin minn żmien kemmxejn diffiċli.