Kollox jinsab lest biex fl-4pm titella’ s-17-il edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest f’Gliwice, Silesia, il-Polonja.
Malta se tkun rappreżentata minn Eliana Gomez Blanco.
Iż-żagħżugħa ta’ 14-il sena kellha ġimgħa impenjattiva fil-Polonja tagħmel il-provi, tiltaqa’ mal-ġurnalisti u l-ammiraturi.
Gomez Blanco għandha messaġġ b’saħħtu fil-kanzunetta ‘We Are More’ u tinsab lesta biex illum wara nofsinhar tagħti interpretazzjoni oħra eċċellenti fuq il-palk f’Gliwice Arena, li tesa’ mat-13,000 ruħ.
Il-Pollakki, permezz tal-istazzjon nazzjonali Telewizja Polska (TVP) qed jieħdu b’serjetà kbira l-organizazzjoni tal-ewwel produzzjoni televiżiva tal-kant tal-Eurovision fil-pajjiż.
Fil-festival ta’ din is-sena hemm 19-il pajjiż li qed jipparteċipaw, bi Spanja tirritorna wara 13-il sena.
Minħabba li dan huwa festival ta’ kompetizzjoni bejn it-tfal, ma hemmx djar tal-imħatri li qed ibassru r-rebbieħ iżda fost il-ġurnalisti li qed jirrapurtaw il-festival qed tissemma wkoll il-possibiltà li l-Olanda tirbaħ il-Junior Eurovision.
B’hekk tkun inkitbet l-istorja li għall-ewwel darba pajjiż ikun rebaħ il-Eurovision Song Contest u l-Junior Eurovision Song Contest fl-istess sena.
Intant kulħadd jista’ jivvota online minn issa fuq is-sit junioreurovision.tv
Bil-vot online nistgħu nappoġġjaw lill-kantanta Maltija billi anki minn Malta stess nivvutaw lil pajjiżna.
Ritratt: EBU